Ir-raġel ta’ 46 sena residenti ż-Żurrieq li lura għas-6 ta’ Novembru kien involut f’inċident wara li nirien ħakmu dgħajsa li kienet madwar mil u nofs ‘il barra mill-kosta ta’ Delimara, limiti ta’ Marsaxlokk, tilef ħajtu fl-aħħar ħin.
Dan qalitu l-Pulizija fi stqarrija, fejn spjegat li l-Inkjesta Maġisterjali u l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin
Fis-6 ta’ Novembru: Raġel f’kundizzjoni serja wara li nirien ħakmu dgħajsa ‘l barra mill-kosta ta’ Delimara
Raġel ta’ 46 sena residenti ż-Żurrieq jinsab f’kundizzjoni serja wara li nirien ħakmu dgħajsa li kienet madwar mil u nofs ‘il barra mill-kosta ta’ Delimara, limiti ta’ Marsaxlokk.
Kien għall-ħabta ta’ 11.45 a.m. meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza peress li kien għadu kemm seħħ inċident fuq dgħajsa. Mill-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija rriżulta li r-raġel ta’ 46 sena kien sofra ħruq f’ġismu wara li d-dgħajsa li kien fuqha ħadet in-nar.
Minnufih fuq il-post marru l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta u tal-Protezzjoni Ċivili li sabu lill-vittma fil-baħar. Wara li tellgħuh abbord il-lanċa tas-salvataġġ, huwa ddaħħal l-art, fejn kien qed jistennih tim mediku li tawh l-ewwel għajnuna.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn ġie ċċertifikat li jinsab f’kundizzjoni serja.
Il-Maġistrat Dr Antoine Agius Bonnici ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta filwaqt li linvestigazzjonijiet mill-Pulizija għadhom għaddejjin
Aktar kmieni: Persuna ssofri minn ħruq hekk kif lanċa nħakmet minn nirien f’Delimara
Persuna li sa issa l-identità tagħha għadha mhux magħrufa qed issofri minn ħruq. Dan wara li aktar kmieni, lanċa nħakmet minn xi nirien f’Dellimara.
Dan ġie kkonfermat ukoll minn kelliem għall-Pulizija. Inħad li kollox seħħ għall-ħabta tal-11:15 a.m.
Fuq il-post mar tim mediku flimkien ma’ ambulanza sabiex l-persuna li weġġgħet tingħata l-assistenza medika fuq il-post.
Aktar aġġornamenti mal-ħin…