Sunday, December 22, 2024

Persuni b’diżabilità severa se jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-Motor Activity Training Programme

Aqra wkoll

Bil-għan li tkompli titwitta t-triq lejn aktar inklużjoni fil-qasam sportiv, fil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli, u Dr Lydia Abela, President ta’ Special Olympics Malta, ġie ffirmat ftehim fuq medda ta’ sentejn (2023-2024) bejn Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta li permezz tiegħu, persuni b’diżabilità severa se jkunu jistgħu jgawdu mill-benefiċċji tal-Motor Activity Training Programme (MATP) li jwassal għall-Ispecial Olympics. Dan il-programm joffri taħriġ professjonali u speċjalizzat f’diversi dixxiplini sportivi.

Il-ftehim isaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn Aġenzija Sapport u Special Olympics Malta, li ilha għaddejja għal sentejn u li matulhom persuni b’diżabilità pparteċipaw b’suċċess fl-Ispecial Olympics Invitational Games ta’ Mejju 2022.

Aġenzija Sapport mistennija wkoll li taħdem mill-qrib ma’ Special Olympics Malta fl-organizzazzjoni ta’ tournaments kull sena, tidentifika impjegati biex jattendu programmi ta’ taħriġ organizzati minn Special Olympics Malta waqt li tipprovdi l-faċilitajiet ta’ ċentri ta’ matul il-jum li jkunu jistgħu jintużaw minn Special Olympics Malta għall-fini ta’ taħriġ f’ħinijiet wara s-sigħat normali tal-operat taċ-ċentri.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli rrimarkat li dan il-ftehim huwa wirja ċara tal-ħidma kontinwa tal-gvern biex tkompli tissaħħaħ l-inklużjoni permezz tal-isports, u jispeċifika l-ħidma taż-żewġ entitajiet fit-twettiq tal-proġett. Spjegat li għal Special Olympics Malta, dan se jfisser il-ħolqien, b’mod regolari, ta’ aktar taħriġ permezz ta’ coaches professjonali kemm fl-isports kif ukoll fl-MATP, u li jkunu offruti opportunitajiet għal atleti b’diżabilità f’logħob u f’tournaments.

F’kumment dwar il-ftehim, il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, qal li din il-kollaborazzjoni ma’ Special Olympics Malta sserraħ fuq żewġ pilastri, li l-aġenzija se tkompli twettaqhom u temmen fihom. Fosthom, il-ħtieġa li jkun hemm iktar opportunitajiet għal persuni b’diżabilità biex ikunu inklużi fil-komunità bis-sehem tagħhom fit-taħriġ li jsaħħaħ il-ħiliet tagħhom u hekk biex jingħataw l-opportunità jikkompetu fuq livelli lokali u internazzjonali.

Dr Lydia Abela saħqet dwar il-kollaborazzjoni b’saħħitha li diġà teżisti bejn Special Olympics Malta u Aġenzija Sapport. Irrimarkat li din il-ħidma konġunta issa se tagħraf aktar l-akbar abbiltajiet ta’ kulħadd bi prinċipji ċari favur l-inklussività. Il-president ta’ Special Olympics Malta rreferiet għas-suċċessi li kisbu numru sabiħ ta’ atleti fl-invitational games ta’ Special Olympics li saru s-sena l-oħra f’pajjiżna, u kif il-qasam sportiv jista’ jkun ħolqa oħra importanti fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

Fil-kumment tagħha, id-Direttur ta’ Special Olympics Malta, Anna Calleja, qalet li permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu qed nilħqu faxxa akbar ta’ persuni b’diżabilità biex ikunu jistgħu jitħarrġu f’attivitajiet sportivi differenti. Tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-isport fuq is-saħħa fiżika tal-persuna kif ukoll fuq is-saħħa mentali.

Ekonomija

Sport