Saturday, October 26, 2024

“Persuni qed ikollhom jissellfu għal għomorhom għal post abitabbli”

Kelliem għall-PN bi kritika qawwija għall-politika tal-akkomodazzjoni f’pajjiżna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt li kien qiegħed jindirizza lill-parlament, il-kelliem għad-delizzji u l-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja tal-Partit Nazzjonalista Charles Azzopardi qal li dan il-gvern falla mill-wegħda tiegħu li kien għamel mill-Oppożizzjoni qabel l-2013. Huwa qal li l-Oppożizzjoni Laburista, inkluż hu, kienet wiegħdet li l-gvern se jiġri wara kull familja biex ikollhom saqaf fuq rashom, ikollhom post abitabbli, jimlewh u jaspiraw li jibnu familja.

Huwa kompla biex jgħid li filwaqt li qegħdin jintefqu eluf f’konsulenzi, hemm anzjani li qegħdin ikollhom jisselfu l-flus mingħand uliedhom biex jagħmluha sal-aħħar tax-xahar. Huwa qal ukoll li tista’ ma tħallasx il-kontijiet għal tliet xhur, iżda mbagħad tistenna li tispiċċa mingħajr servizzi.

Azzopardi kompla biex jgħid li riċentament anke hu kellu bżonn imur jieħu loan u qalulu li ċ-ċirkostanzi nbidlu u li minħabba li nbidlet l-pożizzjoni tiegħu kellu jistenna. Sostna li mnalla kien hemm martu li għażlet li tagħmel tajjeb hi.

Saħaq li l-prodotti bażiċi komplew jiżdiedu u tant is-sitwazzjoni saret iebsa għal ċertu persuni, li qed ikollhom jikru sodda minflok appartament. Qal li ż-żieda fil-prezzijiet qiegħda żżid l-ansjetà u li r-realtà hija li hemm persuni li jaqbdu €1,000 u biex iħallsu l-kera ta’ €600 jibqgħalhom biss €400 fix-xahar u hemm min kellu jneħħi s-servizz tat-televiżjoni. Qal li din hija wkoll realtà f’Għawdex.

Bosta jinsabu inkwetati u inċerti li jistgħu jitkeċċew minħabba l-fatt li d-domanda żdiedet u min jikri jista’ faċilment jiddeċiedi li lill-persuna jitlobha biex twarrab.

Huwa kkwota l-gazzetta It-Torċa u qal li persuna li tkellmet magħha qalet li minn €1,000 paga tħallas il-kirja ta’ €600 u tieħu €160 f’benefiċċju fix-xahar biex b’hekk jifdlilha madwar €130 fil-ġimgħa biex tgħix. Quddiem dan kollu, Azzopardi qal li l-gvern falla fil-politika soċjali u wasalna biex qiegħda tkun diffiċli biex tiddejjen mal-bank u tagħmel għomrok tħallas u mhux tħallas il-ftit.

Huwa qal li hemm bżonn li l-flus jintefqu ferm aħjar u li jekk ikollok il-flus anke tifel tal-iskola kapaċi jonfoqhom. Huwa sostna li pajjiżna għandu miljuni ta’ djun u li ninsabu fix-xifer li jikkrolla kollox. Huwa temm jgħid li l-gvern jinsab ferm ’il bogħod milli jindirizza l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali u li l-Oppożizzjoni se tkompli tisħaq u tesiġi fuq il-problema għax qalbha mal-ħaddiem u maż-żgħir u tixtieq li ż-żgħażagħ jibqgħu jgħixu f’dan il-pajjiż.

Sport