Friday, November 22, 2024

PERSWAŻJONI MINFLOK SENSAZZJONALIŻMU

Aqra wkoll

Il-persważjoni tieħu iktar fit-tul, imma tħalli riżultati effettivi.

Żgur ma toħloqx il-konfużjoni li jwassal għaliha l-estremiżmu u s-sensazzjonaliżmu sfrenat. Il-ħtieġa tal-persważjoni rajniha fil-proċess li wassal biex din il-ġimgħa kien emendat il-Kodiċi Kriminali. Anke f’dawn il-paġni konna għidna mill-ewwel li ma kienx aċċettabbli li l-liġijiet ta’ pajjiżna kienu għadhom jheddu bi priġunerija lil ommijiet prospettivi li jiffaċċjaw kumplikazzjonijiet serjissimi waqt it-tqala u lit-tobba li jikkurawhom.

Fuq kollox, la kien hemm parir tal-avukat tal-istat fhimna lill-gvern li ma setax jinjorah. Issa dak iż-żmien kien hemm ħafna li kienu qed jgħidu li kollox seta’ jibqa kif inhu. Fost dawk li li llum għandhom l-ardir jgħidu li l-bidla qed issir bis-saħħa tagħhom, kien hemm dawk li qalu li ma jeħtieġ li jsir xejn għax kollox kien tajjeb kif kien. Il-Gvern, fuq quddiem nett il-Prim Ministru Robert Abela, wieġeb b’mod passjonali ħafna li ma kien lest jaċċetta qatt li kollox jibqa’ kif inhu. Fl-istess ħin iddikjara li kien qed jifhem ċertu tħassib li persuni ġenwini kienu qed jagħmlu. Saħansitra dwar dan kitbu persuni fil-paġni ta’ dawn il-gazzetti.

Kienet l-attitudni l-korretta. Wara kollox il-Gvern kien qed iċaqlaq xi ħaġa li ħadd ma ħaseb li se tkun indirizzata f’din il-leġiżlatura. Kienet skossjatura mhux żgħira għas-soċjetà tagħna. U għalhekk kien korrett meta mill-ewwel wera li l-Gvern mhux se jkun supperv. Iżda, kien lest jiddjaloga u jfiehem. Filwaqt, li baqa’ jkun ċar dejjem li ma kinetx l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jdaħħal l-abort, kif ħafna li jikkampanjaw għalih jifmuh. Ried idaħħal bidla li tipproteġi l-omm f’każi ta’ periklu gravi għaliha.

U dak kien l-ispirtu li baqa’ jiddjaloga fih il-Gvern. Fi ftit xhur irnexxielu jikkonvinċi lil kulħadd dwar il-bżonn ta’ bidla fil-liġi. Il-ġinekologi u l-ostetriċi ħarġu jgħidu li issa mhux se jibqa’ iktar vaccuum legali. Mela ma jistax ikun hemm konferma ikbar minn hekk, li l-bidla kien hemm bżonnha u li vaccuum legali kien jeżisti. Dan minkejja dak kollu li intqal, fejn saħansitra l-anke l-isqfijiet iddikjaraw f’pastorali li seta’ jibqa’ kollox kif inhu.
Ladarba kulħadd kien konvint mill-bidla allura kien jeħtieġ test legali li jserraħ ras kulħadd li l-intezjoni waħda u ċara kienet dik li se tagħti l-interpretazzjoni tal-liġi. U jirriżulta li dak l-għan intlaħaq ukoll. Jekk hemm periklu mmedjat għal ħajja, mela l-kura tingħata minnufih. Jekk hemm periklu ta’ saħħa gravi li jista’ jwassal għall-periklu tal-mewt mela l-kura trid tibda tingħata wkoll minnufih, basta bis-serħan ta’ tliet esperti mediċi. Legalment il-leġiżlatur iċċara wkoll għidut li ntqalu u li għalkemm deher mill-ewwel li qatt ma kienu l-intenzjoni tal-abbozz oriġinali, il-fatt li huma kodifikati taw serħan il-moħħ.

Il-Prim Ministru għal darb’oħra ma mexxix b’suppervja. Fittex id-djalogu bħala Prim Ministru tal-poplu kollu, fl-istess ħin li żamm sod mal-ħtieġa li jkun hemm il-bidla. U dak jagħtina serħan il-moħħ. Is-serħan il-moħħ li l-bidla li kellha ssir, saret. U s-serħan il-moħħ li pajjiżna tassew immexxi minn Gvern li jisma’ anke jekk sod fil-prinċipji. Dan hu l-mod kif isiru l-affarijiet. M’hemmx isbaħ mill-konsultazzjoni, id-djalogu u l-persważjoni. L-agħar ħaġa li tista’ toħnoq id-dibattitu pubbliku huwa s-sensazzjonaliżmu u dawk li kienu sensazzjonali jopponu kollox reġgħu spiċċaw fuq in-naħa telliefa. Għaliex rebħet ir-raġuni.

Sport