Wednesday, July 24, 2024

Peter Agius, Michael Falzon u dawk li twieldu qabel l-1962

Aqra wkoll

Jekk hawn qasam fix-xena politika lokali li jkun ferm għaqli għall-Partit Nazzjonalista li dwaru jżomm profil baxx kemm jista’ jkun huwa l-qasam tal-pensjonijiet. Fejn jidħlu pensjonijiet il-Partit Nazzjonalista jkun jaqbillu ferm jekk iżomm ħalqu magħluq. L-istorja politika ta’ pajjiżna turina sa mill-bidunett tal-introduzzjoni tal-pensjonijiet li l-Partit Nazzjonalista kien kontrihom. Saħansitra kienu vvutaw kontra l-introduzzjoni tal-pensjonijiet għax skont huma dawn kienu se jservu biex l-anzjani jixorbuhom inbid!

Għall-kuntrarju ta’ dan Gvernijiet Laburisti dejjem raw kif għamlu biex isaħħu, iżidu, il-pensjonijiet li jkunu għamlu qabel u jintroduċu oħrajn ġodda magħhom. L-iżjed li waslu Gvernijiet Nazzjonalisti f’dan ir-rigward kien li ħallew kif kien dak li wirtu minn Gvernijiet Laburisti. Iffriżawhom u ma żiduhom QATT għajr b’parti miż-żieda li kienet tingħata għall-għoli tal-ħajja. Intenni kienu jagħtu biss PARTI miż-żieda li kienet tingħata għall-għoli tal-ħajja.

Biex żgur ikompli jgħaffeġ f’dan ir-rigward Gvern Nazzjonalista fis-sena 2006 għamel liġi li b’riżultat tagħha fejn jidħlu pensjonijiet ħoloq anomalija ma’ persuni li twieldu qabel is-sena 1962. Id-dħul pensjonabbli massimu ta’ persuni bħal dawn ma kienx l-istess bħal ta’ dawk li twieldu fl-1962 jew wara. Anomalija li minkejja li nġibdet l-attenzjoni tal-Gvern Nazzjonalista għaliha Gvern Nazzjonalista baqa’ għaddej biha sakemm tħalla fil-poter sas-sena 2013.

Għal darb’oħra kellu jkun Gvern Laburista li issa qed jindirizza din l-anomalija wkoll. Għal darb’oħra Gvern Laburista qed juri li fejn jidħlu pensjonanti u l-benesseri tagħhom hu jrid ikun. Mhux lakemm tgħid issewwi l-ħsara li jkun wettaq ħaddieħor, aktar u aktar jekk tkun ħsara kbira kif fil-fatt hi din l-anomalija partikolari. Gvern Laburista kull sena se jżid id-dħul pensjonabbli massimu ta’ dawk milqutin mil-liġi ta’ Gvern Nazzjonalista sakemm dan il-massimu jiġi daqs ta’ dawk li twieldu fis-sena 1962 jew wara.

U allura jrid ikollok wiċċek agħar minn wiċċ l-għatba tal-Qorti biex tikteb dak li kiteb f’dan ir-rigward fuq Facebook ftit tal-jiem ilu l-kandidat tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Peter Agius. Għandek hawn taħt, kelma b’kelma, dak li kiteb Peter Agius.

Eluf ta’ anzjani ta’ qabel 1962 għadhom fil-limbu fuq iż-żieda mwegħda fil-baġit. Dawn ġew imwegħda li se tieqaf id-diskriminazzjoni. Webbluhom biż-żieda ta’ €9.45 fil-ġimgħa. Għaddew erba’ xhur u għadhom b’xejn. Mhux talli għadhom b’xejn talli skont ma wasalli għadhom lanqas inħadmu l-kalkoli dettaljati biex jibdew jingħataw iż-żidiet. Hemm ukoll inċertezzi kbar dwar min għandu jieħu din iż-żieda. Il-Ministru fil-baġit semma’ li jrid jindirizza d-diskriminazzjoni, però milli jidher iż-żieda se tingħata biss lil ftit minn dawk ta’ qabel 1962.

Waqt li l-Gvern jagħmel kemm jiflaħ riklami fuq l-istabilità qed iżomm lil 90,000 anzjan li twieldu qabel 1962 fl-inċertezza!! Nappella għal aktar serjetà! Nappella biex inkunu ċari! Nappella biex jibdew il-ħlasijiet mill-aktar fis u jekk hemm bżonn jingħataw ir-riżorsi meħtieġa lid-dipartimenti konċernati biex jipproċessaw dawn il-ħlasijiet!

Apparti li jinsab żbaljat f’dan li qed jgħid, nistiednek tinnota affarijiet li bihom Peter Agius qed ikompli jgħarraq lilu nnifsu u lill-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett.

Innota li Peter Agius imkien ma jsemmi li l-liġi inkwistjoni saret minn Gvern Nazzjonalista fis-sena 2006. Ara ma taħsibx li Peter Agius dan ma jafux.

Innota li Peter Agius kiteb li eluf ta’ anzjani ta’ qabel 1962 għadhom fil-limbu fuq iż-żieda mwegħda fil-baġit. Ovvjament Peter Agius ma jgħidx li l-limbu li qed jirreferi għalih ħolqu Gvern Nazzjonalista.

Innota li Peter Agius kiteb li dawn ġew imwegħda li se tieqaf id-diskriminazzjoni. Peter Agius f’ebda ħin ma jgħid li tali diskriminazzjoni ma teżistix. Peter Agius b’kitbietu qed jammetti, u ma jistax jagħmel mod ieħor, li hemm diskriminazzjoni fil-konfront ta’ dawk milqutin mil-liġi ta’ Gvern Nazzjonalista.

Innota li Peter Agius kiteb li l-Gvern qed iżomm lil 90,000 anzjan li twieldu qabel 1962 fl-inċertezza!! Kiteb hekk bla ma rrealizza li l-unika ċertezza li kien hemm kienet li dawn in-nies ġew diskriminati minn liġi ta’ Gvern Nazzjonalista.

Sadattant ikun sewwa u xieraq li la darba għidtlek x’kiteb Peter Agius ngħidlek ukoll x’wieġbu Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, li l-pensjonijiet huma parti mid-dekasteru tiegħu. Il-Ministru Falzon wieġeb hekk: Ġibduli l-attenzjoni li s-Sur Peter Agius għaddej b’kampanja ta’ miżinformazzjoni dwar il-pagamenti tal-pensjonijiet u l-anomaliji li ħoloq il-partit tiegħu stess ma’ dawk li twieldu qabel l-1962.

Lis-Sur Agius ngħidlu li jkun tajjeb kieku qabel ifajjar fuq Facebook jiċċekkja l-fatti u jinduna illi huwa totalment żbaljat.

Qed inħalli link hawn għal kulħadd, inkluż is-Sur Agius biex jifhem aħjar. Infakkru wkoll li fl-aħħar ftit ġimgħat indirizzajt tliet konferenzi tal-aħbarijiet fuq il-pagamenti tal-pensjonijiet u l-pagamenti lil dawk milquta mill-anomalija li ħoloq il-Partit Nazzjonalista. Dawn kienu fil-5 ta’ Jannar, fis-17 ta’ Jannar u fl-1 ta’ Frar 2024.

Min-naħa tiegħi lil Peter Agius nirreferih għal kitbietu stess: Nappella għal aktar serjetà!

Kull kelma oħra tkun żejda.

[email protected]

Ekonomija

Sport