Waqt tfittxija ta’ rutina fuq il-passiġġieri li saret ilbieraħ mit-tim ta’ kontra l-ħasil tal-flus bl-għajnuna ta’ uffiċjali mid-dipartiment tal-K9, żewġ passiġġieri ġew imwaqqfin mill-kelb tas-sezzjoni tal-K9 Peter.
Iż-żewġ passiġġieri kienu se jħallu pajjiżna lejn l-Istanbul u minħabba s-suspett tal-kelb ġew mistoqsijin kemm kienu qed iġorru flus fuqhom. Wieħed mill-passiġġieri wieġeb li kien qed iġorr €11,000, filwaqt li l-ieħor qal li ma kienx qed iġorr aktar minn €10,000. Mhux konvinti b’dawn it-tweġibiet, iż-żewġ passiġġieri ttieħdu fl-uffiċċju tad-dipartiment tad-dwana għal aktar tfittxijiet. Kien hawnhekk li l-uffiċjali elevaw €11,875 u €11,340. Iż-żewġ passiġġieri ġew immultati u qablu li jilħqu ftehim barra mill-qorti b’rabta ma’ dan il-każ.
Il-passiġġieri li jkunu se jivjaġġaw minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea b’somma ta’ flus jew ċekkijiet b’valur ta’ €10,000, skont il-liġi għandhom jiddikjaraw dawn l-ammonti mal-uffiċjali tad-dwana.