Saturday, December 21, 2024

Snooker: Peter Lines jirbaħ il-UK Seniors Championship

Aqra wkoll

Peter Lines (ritratt) rebaħ il-UK Seniors Cham­pionship għall-ewwel darba, meta fil-finali għeleb lil David Lilley 4-1 f’Hull.

Lura fl-2017, Lines rebaħ it-titlu tal-World Seniors, u l-player ta’ 52 sena minn Leeds issa jista’ jżid it-titlu tal-UK Seniors mal-lista ta’ unuri tiegħu.

Lilley ħa l-frame tal-ftuħ u għamel break ta’ 60 fit-tieni, iżda l-avversarju tiegħu b’mod kruċjali rribatta lura u eventwalment ħataf il-frame, 67-66, billi kklerja l-kuluri.

Lines iddomina t-tielet u r-raba’ frames biex ħa vantaġġ ta’ 3-1. Fil-ħames wieħed, iċ-champion kurrenti tal-World Seniors, Lilley, illidja 56-21 meta falla ħamra, u Lines għamel clearance eċċellenti ta’ 47 biex kiseb it-titlu.

“Ninsab fis-seba’ sema li rbaħt,” qal in-numru 82 tad-dinja, Lines. “Qed nipprova nieħu gost hemmhekk. Irrid nilgħab kemm nista’ għax inħobb nilgħab is-snoo­ker. Meta tasal fl-età tiegħi u ma tkunx irbaħt avveniment ranking, taċċetta l-fatt li probabbilment mhux se tirbaħ wieħed. Allura biex nirbaħ żewġ avvenimenti prestiġjużi fil-World Seniors tour, jien tassew kburi bija nnifsi. Jien tassew onorat li għamilt dan.”

Fit-tournament kellu jieħu sehem il-Malti, Tony Drago, b’postu ġie mimli minn Patrick Wallace li tilef fl-ewwel round kontra Jimmy White.

Ir-riżultati l-oħra kienu:

L-ewwel round: Peter Lines v Michael Judge 3-1; Ken Doherty v Lee Walker 3-0; Jimmy White v Patrick Wallace 3-1; Joe Johnson v Rod Lawler 3-2; Kuldesh Johal v Cliff Thornburn 3-0; David Lilley v Philip Williams 3-0; Stephen Hendry v Barry Pinches 3-2; Wayne Cooper v John Parrott 3-0.

Kwarti-finali: Doherty v Hendry 4-1; White v Cooper 4-1; Lilley v Johnson 4-0; Lines v Johal 4-1.

Semi-finali: Lines v Doherty 4-2; Lilley v White 4-3.

Ekonomija

Sport