Wednesday, September 17, 2025

Peter Shoults … lejn staġun ieħor fit-tmexxija tat-tim tan-nisa ta’ Starlites Naxxar JSD bħala kowċ

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

L-imħabba tiegħi lejn il-basketball bdiet meta l-ġenituri tawni ballun tal-basketball meta għalaqt erba’ snin, imbagħad ħaduni basketball camp ġewwa l-White Rocks ta’ Don Ross u komplejt minn hemm.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej bħala tim tan-nisa ta’ Starlites Naxxar JSD?

Fl-ewwel staġun tiegħi inkarigat mit-tim morna tajjeb u l-uniku diżappunt tiegħi kien dak li ma wassaltx lit-tim tal-Under 23 sal-finali. Dik il-ħarsa ta’ diżappunt fuq wiċċ il-plejers kienet tagħlima qawwija għalija. Rigward dan l-istaġun nippruvaw nibnu fuq l-istaġun li għadda. Reġgħu saru tibdiliet fit-tim peressli Sasha Lecuyer ingħaqdet mal-Hibernians u Ylenia Bonnett se tilgħab fl-Italja ma’ tim fis-Serie B, FBK Fiore Basket Valvarda. Nixtiqilhom kull suċċess.

Issaħħaħna fl-assistant coaches li huma Christina Curmi u Brendon Cassar, imħuħ tajbin ħafna fil-basketball u ħerqan li se naħdmu flimkien. Iffirmajna plejers importanti bħal Julija Dabic, Sabrina Abugrin, Becky Naudi u l-Amerikana, Georgia Haverlock.

Dawn il-plejers flimkien mal-oħrajn nippruvaw noħolqu ‘team chemistry’ tajba, li waqt it-taħriġ tal-‘pre-season’ diġá jidher li hemm dan l-aspett u nippruvaw naslu sa kull finali li hemm disponibbli. L-unika ħaġa li rrid nagħmel hu li nikkompetu b’saħħitna u nħalli impatt pożittiv fuq il- plejers li se nikkowċja.

Diġá kburi ħafna bihom għax b’għajnejn għajjenin u skeda skolastika mimlija jagħmlu ħilithom kollha. Bħala kowċ li ssir taf il-persuna l-ewwel imbagħad l-atleta t-tieni tgħin ħafna. Bla kumment lejn l- uffiċjali tal-logħba b’rispett tal-klabb u nixtieq nawgura wkoll staġun ta’ suċċess lill- kompetituri tagħna.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala plejer u l-unuri li rbaħt kemm fuq livell ta’ klabb kif ukoll mat-tim nazzjonali Malti.

L-esperjenza tiegħi bħala plejer kienet ta’ suċċess u nemmen li dawk l-esperjenzi se jgħinuni f’din l-isfida li jmiss bħala kowċ.

X’differenza hemm bejn li tkun plejer u kowċ?

Id-differenza hi li bħala plejer kont nittrenja ħafna biex intejjeb il-logħba tiegħi u nkun fiżikament fl-aqwa tiegħi għal meta jiġi biex jagħżlek il-kowċ. Bħala kowċ trid tieħu ħsieb it-titjib, l-iżvilupp u l-‘chemistry’ tat-team biex nilħqu t-tragwardi tagħna.

Kif tqis il-livell tal-basketball tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?

Naħseb li qiegħed tajjeb u bl-inklużjoni ta’ żewġ timijiet oħra se tkun aktar interessanti dan l-istaġun.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-basketball.

Isibu bilanċ bejn taħriġ, xogħol, familja jew skola u li jkollhom ‘self-motivation’ biex jittrenjaw individwalment apparti dak it-taħriġ li jipprovdi l-klabb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport