Sunday, May 19, 2024

Philip Vella Jsebbaħ Isem l-Omm b’Rakkont Personali

Aqra wkoll

“Kont tkun taf f’liema stat inkun… kulma f’moħħi jkun għaddej”, huwa vers minn OMM, kanzunetta ġdida mill-kantawtur Philip Vella b’dedikazzjoni lill-ommijiet kollha proprju f’Jum l-Omm, speċjalment lill-għażiża ommu Esther li ħallietna għal ħajja eterna fil-15 t’Ottubru 2022. 

Il-kantawtur Philip Vella ilu jagħmel parti mix-xena tal-mużika lokali għal snin twal u kiseb suċċess kbir b’siltiet bħal X’Jimpurtani, klassifikata fit-tieni post tal-festival L-Għanja tal-Poplu 1995 u Kemm Jien Beżżul, rebbieħa ta’ dan l-istess festival proprju 3 snin wara.

Il-ħoss ta’ OMM però huwa differenti ħafna minn ta’ dawn iż-żewġ siltiet imsemmija hawn fuq, iżda jqarreb ħafna l-istil li tassew jħobb jinterpreta, l-istil li bih wasslilna l-album 60+ li fih jinkludi kanzunetti bħal Għalfejn Tħobbni Daqshekk, Allura, Ġenna u Infern, kif ukoll Pa, kanzunetta oħra personali għall-aħħar fejn Philip jiddeskrivi r-relazzjoni tiegħu ma’ missieru.

“Ħassejt li kien wasal iż-żmien li jkolli konverżazzjoni m’ommi, u l-unika mod li stajt nagħmel dan kien f’kanzunetta. Fiha għidtilha dak kollu li kont u għadni nħoss għaliha”, jgħid il-kantawtur filwaqt li jżid jgħid, “din il-kanzunetta ser tkun l-ewwel waħda minn album ġdid li ħa nniedi fil-ġimgħat li ġejjin, album ta’ kanzunetti bl-isem Il-Kitarra u Jien. Ftit minnhom ġa smajtuhom, kantati minni jew minn artisti oħra li ħdimt magħhom tul is-snin, u oħrajn li ħa jkunu ġodda.”. 

Filwaqt li nistennew b’ħerqa kbira dan l-album, nixtiequ ngħarrfukom li OMM għandha produzzjoni ta’ Sean Vella u Philip Vella, ippubblikar diġitali tal-kumpanija Ġermaniża CAP-Sounds u promozzjoni t’Ironic PR & Artist Management.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport