Monday, May 13, 2024

Piena akbar għal żagħżugħ li seraq u darab anzjana li tiġi minnu

Aqra wkoll

Żagħżugħ li ammetta li seraq flus kontanti minn dar ta’ anzjana li tiġi z-zija ta’ missieru, u li weġġagħha ħafif, ingħata piena akbar wara li l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza.

Dante Buhagiar ta’ 19-il sena residenti l-Imsida ammetta li wettaq dan ir-reat nhar l-1 ta’ Settembru 2021 minn residenza li tinsab fi Triq il-Punent, il-Belt Valletta. Buhagiar wieġeb ħati wkoll li kiser il-provedimenti li japplikaw għall-ordnijiet tal-probation. 

Huwa kien oriġinarjament intbagħat tliet xhur ħabs effettivi u ordnat li t-termini tal-ordnijiet tal-probation jiġu estiżi għal tliet snin, iżda l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza fejn ġie mitlub li tkun inflitta piena idonea u ġusta skont il-liġi. 

F’Ottubru tal-2021, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza u bagħtet l-atti lura lill-Qorti tal-Maġistrati biex tkun dik il-Qorti li terġa’ tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid skont il-liġi. Xahar wara, l-uffiċjali prosekuturi qraw u kkonfermaw iċ-ċitazzjoni bil-ġurament filwaqt li Buhagiar irreġistra ammissjoni. 

Il-każ ġie quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, li semgħet ukoll ix-xhieda tal-uffiċjal tal-probation li rakkomandat li l-imputat jingħata piena karċerarja iżda għandu jiġu kkunsidrat il-problema akuta ta’ dipendenza tad-droga filwaqt li ġie aċċennat ukoll it-trawmi li kellu fil-passat.

Il-Qorti nnutat ukoll l-età żgħira tal-imputat li għalkemm adult, għandu inqas minn 20 sena u b’hekk aktar hemm tama li l-għajnuna tirnexxi. 

Kien għalhekk li l-Qorti sabitu ħati u kkundannatu erba’ snin ħabs effettivi li minnhom irid jitnaqqas iż-żmien li nżamm taħt arrest preventiv. Fl-istess waqt, ħarġet ukoll ordni ta’ trattament fuq il-problema ta’ droga u saħħa mentali għal żmien tliet snin. 

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Stephen Gulia, Lydon Zammit u Michael Vella. 

Sport