Fi tmiem Ġuri li sar fil-Qorti Federali tal-Istati Uniti, l-aggressur li qatel 11-il persuna f’sinagoga f’Pittsburgh f’Ġunju tal-2018 ġie kkundannat għall-piena tal-mewt.
Il-verdett kien wieħed unanimu mit-12-il membru sabu lir-raġel ħati tat-63 akkuża kollha li rriżultaw mill-attakk fuq is-sinagoga ‘Tree of Life’.
Il-verdett ingħata lill-Imħallef tal-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti Robert Colville.
Il-ġurija waslet għad-deċiżjoni fit-tieni jum tad-deliberazzjonijiet.
Robert Bowers qatel 11-il persuna – li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn il-54 sena u s-97 sena – li kienu qed jitolbu waqt il-ħin tal-attakk.
Seba’ oħrajn weġġgħu, inklużi ħames uffiċjali tal-pulizija li kienu fost l-ewwel li intervjenew fuq il-post.
Tliet kongregazzjonijiet – ‘Dor Hadash’, ‘New Light’ u ‘Tree of Life’ kienu jużaw l-istess post għat-talb.
Ħafna mill-familji ta’ dawk li nqatlu fl-attakk qalu li jappoġġjaw il-piena tal-mewt għal Bowers, għalkemm xi wħud, inkluż il-kongregazzjoni Dor Hadash, ma qablux ma din il-kundanna.
Jeffrey Myers li huwa wieħed minn dawk li rnexxielhom isalvaw qal li din id-deċiżjoni b’xi mod tagħlaq dan il-kapitlu għall-komunità.
“Issa li l-proċess kważi ntemm u l-verdett kkundanna lill-aggressur għal sentenza ta’ mewt, hija t-tama tiegħi li nibdew infiequ u nimxu ’l quddiem”, qal Myers.
Il-prosekuturi kienu argumentaw fl-aħħar parti tad-deliberazzjoni li s-sentenza tal-mewt kienet meħtieġa minħabba li s-sewwieq tat-trakk ta’ 50 sena għadu jħaddan mibegħda għal-Lhud u ma wera l-ebda rimors għall-azzjonijiet tiegħu.
Filwaqt li d-Difiża argumentat li l-aggressur isofri minn problemi ta’ saħħa mentali, il-Qorti qalet li d-Difiża naqset milli tipprova li l-klijent tagħha kien qiegħed ibati minn xi forma ta’ problema mentali meta wettaq il-massakru.