Ir-raġel armat li kien qatel 17-il student fi skola sekondarja fl-Istati Uniti beda għaddej ġuri fi Florida fejn il-ġurati se jkunu qed jiddeċiedu dwar jekk l-aggressur jingħatax il-piena tal-mewt jew inkella għomor il-ħabs.
Nikolas Cruz, li għandu 23 sena, kien wieġeb ħati għas-17-il akkuża ta’ omiċidju fil-każ li kien seħħ f’Parkland lura fl-2018. Hekk kif il-prosekuturi qed jitolbu għall-piena tal-mewt, l-avukati tad-difiża qegħdin jitolbu għal għomor il-ħabs mingħajr il-possibbiltà ta’ parole. Dan il-ġuri mistenni li jieħu bejn erba’ u sitt xhur u qiegħed jiġi mxandar fuq it-televiżjoni.
Il-Prosekutur ewlieni Michael Satz beda billi ta dettalji – mument b’mument – ta’ kien seħħ dan il-każ. Huwa semma wkoll l-isem ta’ kull persuna li tilfet ħajjitha jew sofriet ġrieħi f’dan l-attakk. Qraba tal-vittmi u persuni oħrajn li kienu preżenti fl-awla dehru kommossi ħafna hekk kif il-prosekuzzjoni kienet qiegħda tgħaddi l-kummenti tal-ftuħ, b’mara partikolari toħroġ mill-awla bid-dmugħ f’għajnejha.
Satz qal li huwa se jkun qiegħed juri kif dan il-massakru kien wieħed kalkulat u premedidat. Huwa qal ukoll kif l-aggressur, li fl-2018 kellu 19-il sena, ftit qabel l-attakk kien stqarr li se jattakka skola.
Min-naħa tagħha, id-difiża f’mossa li mhux tas-soltu, għażlet li ma tagħmilx diskors tal-ftuħ, u qalet li se tkun qiegħda titkellem hekk kif tiġi ppreżentata l-evidenza.