Il-pittura ikononika ta’ Marilyn Monroe mill-artist Andy Warhol inbiegħet fi rkant għall-prezz ta’ $195 miljun, biex b’hekk saret l-iktar pittura għolja tas-Seklu 20. Dan kien ukoll l-ogħla prezz qatt imħallas għal pittura minn artist Amerikan.
Il-pittura, li għandha l-isem ta’ Shot Sage Blue Marilyn, kienet ġiet impittra minn Warhol fl-1964, fejn hu kien uża ritratt famuż ta’ Marilyn bħala ispirazzjoni. Din il-pittura ġiet mibjugħa mill-kumpanija tal-irkant Christie’s ġewwa New York, li hija magħrufa li tbigħ biċċiet ta’ arti lussużi.
Qabel l-irkant, Christie’s qalu li din il-pittura hija “waħda mill-iktar rari u l-iktar pittura traxxendenti li qatt eżistiet”. Huma qalu wkoll li qed jistennew li din il-pittura tinbiegħ għal madwar $200 miljun. L-irkant tal-pittura intemm għall-prezz ta’ $170 miljun, li mbagħad tela’ għal $195 meta tieħu inkonsiderazzjoni t-taxxa u ħlasijiet oħrajn li kellhom isiru.

