Wednesday, April 9, 2025

PJAN LI L-PARKEĠĠI JKUNU MSAQQFA BIL-PANNELLI

Aqra wkoll

Wieħed mill-proġetti li l-Gvern se jtellaq matul din il-leġiżlatura huwa li l-ispazji ta’ parkeġġi mdaqqsin jiġu msaqqfa bil-pannelli biex b’hekk dan l-ispazju jkun sfruttat għall-produzzjoni ta’ enerġija rinovabbli. Fil-fatt, diġa’ kien hemm eżempji ta’ kif opportunitajiet bħal dawn jistgħu jiġu implimentati bħalma kien fil-każ tal-Ġibjun tal-Ilma fiċ-Ċirkewwa u f’Ħal Luqa. 

Kienet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli li fl-aġġornament tal-Parlament nhar it-Tnejn li għadda tkellmet dwar din l-inizjattiva li għandha l-għan li tittrasforma spazji konvenzjonali miksija bit-tarmak f’siti moderni b’tined solari, mgħammra b’infrastruttura għall-iċċarġjar tal-vetturi elettriċi u b’landscaping adegwati u żoni mdawlin fejn il-pubbliku jħalli l-vetturi tiegħu.

Fid-diskors tagħha, il-Ministru Dalli ħabbret ukoll li fuq din tal-parkeġġi mhux biss qed issir kollaborazzjoni mal-Ministeru tat-Trasport u Transport Malta iżda qed jiġu involuti wkoll l-akkademja u l-istudenti tal-Università fid-disinn ta’ dan il-proġett. Dan sabiex il-proġetti mhux biss jagħmlu ġid ambjentali iżda li jsiru bis-sens u jkunu innovattivi. 

Bħalissa qegħdin jiġu kkunsidrati diversi siti filwaqt li qed jitmexxew diskussjonijiet ma’ numru ta’ stakeholders rilevanti fosthom imsieħba soċjali u NGOs. Fix-xhur li ġejjin, se jkunu qed jingħataw aktar dettalji dwar dan il-proġett li l-Climate Action Authority qed tixpruna. 

Sadanittant, il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar investimenti oħra li pajjiżna qed iħares lejhom fosthom l-ilma tal-vit u l-permessi ambjentali. Dawn, flimkien mal-enerġija rinovabbli, huma parti mill-ħidma ta’ dan il-Gvern għal kwalità ta’ ħajja aħjar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport