Tuesday, December 24, 2024

PJANI VAGI

Aqra wkoll

Ta’ spiss, nisimgħu dwar pjani f’dan u f’dak is-settur maħsuba biex juru fuq numru ta’ snin xi ħsibijiet hemm dwar dak li għandu jsir fis-settur u kif għandu jiżviluppa. Jien wieħed minn dawk li nsegwi x’inhu jintqal f’ħafna mill-każi li jinqalgħu għax nemmen li pjan hu għodda utli.

Il-ħidma li ssir biex jitkejjel xinhu l-punt tat-tluq, xinhuma l-isfidi u r-riżorsi u kif dawn tal-aħħar se jitħaddmu biex ilaħħqu ma’ tal-ewwel tibqa’ kwistjoni tal-akbar interess u utilità għall-futur. Anke jekk il-pjan ma jirnexxix, l-informazzjoni miġbura u r-riżultati li ħarġu minnha jkunu ta’ għajnuna kbira fl-isforzi ġodda li jridu jiġu ppjanati.

Imma biex dan isir, pjan irid jinkiteb b’galbu billi jfisser l-għanijiet u r-riżorsi. Irid ikun konkret. B’xorti ħażina, wisq spiss il-pjani li jsiru jibqgħu vagi u aktar jieħdu s-sura ta’ lista ta’ xewqat milli ta’ pjan ta’ azzjoni.

XOKK JEW IPOKREZIJA?

Hemm argumenti validi, favur u kontra, kif fil-votazzjoni dwar il-kandidatura tas-sinjura Roberta Metsola għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew ivvotaw żewġ deputati Laburisti. 

Intqal li kien xokkanti kif ma tawhiex l-appoġġ tagħhom għax b’hekk ħadu pożizzjoni anti-nazzjonali. Intqal (anke mill-medja) li l-imġiba tal-ħabib tiegħi Alex Agius Saliba kienet “infantili” u goffa għax ma qamx iċapċap meta r-riżultat tal-voti ġie dikjarat. Nifhem li jkun hemm min ma qabilx ma’ dawn l-affarijiet.

Li ma nifhimx hu li s-sinjura Metsola nnifisha u l-kollegi tagħha ħaduha bi kbira. Għax jien niftakar meta hi u l-kollegi tagħha vvotaw bla problema kontra l-ħatra ta’ Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Allura dik ma kinitx mossa anti-nazzjonali?

U niftakar ukoll kif is-sinjura Metsola, mistiedna f’Kastilja ma’ delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, irrifjutat li tieħu b’id il-Prim Ministru Muscat. Allura dak ma kienx ġest infantili u goff?

Ta’ spiss wisq, tintilef d-distinzjoni bejn xokk u ipokrisija. Filfatt, dan jiġri mhux biss fi ħdan il-klassi politika imma anke fost id-diriġenti tal-medja.

L-ESTREMI

Mhijiex ħaġa daqshekk diffiċli tifhem għaliex iż-żewġ “estremi” mix-xellug u mil-lemin tal-politika ġmielhom qed jiġbdu lejhom l-appoġġ. Jeżisti kunsens jew kważi fost il-forzi politiċi kollha li r-rebħ politiku jista’ jsir biss miċ-ċentru. Li wassal biex il-proposti ta’ tmexxija li jsiru minn naħa u oħra resqu qrib xulxin tant li xi kultant bilkemm jingħarfu.

Terġa’ fl-Ewropa, ir-regolamenti u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea joħolqu sidrija li tirrestrinġi sew l-għażliet politiċi li jistgħu jitfasslu. Aktar u aktar eletturi tassew imdejqa b’din is-sitwazzjoni u li jridu l-bidla qed iduru lejn l-estremi.

Ekonomija

Sport