Sunday, December 22, 2024

Pjazez, toroq, bankini u xtajtiet

Aqra wkoll

It-titlu tal-kummentarju tal-lum jirreferi għal dak li numru relattivament żgħir ta’ nies irnexxielhom jieħdu f’idejhom b’detriment għall-bqija tal-poplu. Ħtif ta’ proprjetà pubblika li japplika għalih dak li bl-Ingliż jiddeskrivuh bħala across the board. Faċilment tiddeskrivih hekk għax issibu f’kull belt u raħal f’Malta u Għawdex b’eċċezzjoni ta’ xejn, u anke Kemmuna. Semmijli xi pjazza, x’imkien, fejn hemm kafeterija, restorant, jew sempliċiment ħanut tal-kafe fejn ma tarax skoss imwejjed u siġġijiet quddiem l-istabbiliment, fuq u taħt il-bankina, flimkien ma’ umbrelel ta’ kull daqs.

Agħar minn hekk, per eżempju f’Għawdex, tneħħew tal-Monti minn Pjazza It-Tokk biex finalment posthom spiċċa kkapparrat mill-imwejjed u s-siġġijiet. U jekk tal-Monti kienu ta’ ostaklu għal mixja libera taċ-ċittadin, l-istess, anzi agħar, hija s-sitwazzjoni llum. L-istess Pjazza San Ġorġ. Tal-mistħija! Kemm kemm tista’ tgħaddi. Pika bejn is-sidien tal-ħwienet li hemm f’din il-pjazza min minnhom se jikkapparra l-aktar spazju.

Mill-ġdid, mhux f’Għawdex biss. Marsaxlokk, per eżempju, tal-waħx! Spazju għal passiġġata ma’ Xatt is-Sajjieda, suppost, maħtuf minn Tal-Monti flimkien ma’ tar-restoranti. Triq il-Merkanti, il-Belt, tħossok fgat u trid timxi single file minħabba l-ammont bla rażan ta’ imwejjed u siġġijiet. Jinqala’ l-bżonn ta’ ambulanza jew fire-engine u għidli mnejn se tgħaddi. Triq Nofsinhar, il-Belt ukoll, replika ta’ Triq il-Merkanti, min se jaħtaf l-aktar spazju. Quddiem il-Parlament u Pjazza San Ġwann, l-istess storja. Tas-Sliema u l-Gżira pjuttost agħar. Trid tgħaddi minn metru spazju bejn l-imwejjed u l-entratura tal-istabbiliment. Issa anke l-gabbani, bl-imwejjed u s-siġġijiet quddiemhom u madwarhom. Jaħsbulek anke għax-xitwa għax kullimkien tined.

U xi ngħidu għax-xtajtiet? Min jaħtaf l-aktar ramel u blat! Nistiednek tagħmel mixja mill-Qawra sal-pitch tal-waterpolo tas-Sirens, bil-qofol tal-mixja tkun Buġibba, u għidli titqallax bl-arroganza ta’ kif inħataf ix-xatt tista’ tgħid kollu…minn sidien ta’ lukandi għal sidien ta’ restoranti u kif għidtlek anke minn sidien ta’ gabbani.

Arroganza li milli jidher jaraha kulħadd barra min suppost jara li jkun hemm l-infurzar tal-liġijiet. X’nagħmlu allura, nikinsu lil kulħadd? Mhux qed ngħidlek hekk, li qed ngħidlek hu li għandu jkun hemm limitu, fejn għandu jispikka l-ispazju liberu u mhux tali spazju trid tfittxu b’lenti! Hija tali arroganza, tali nuqqas ta’ infurzar ta’ liġijiet, tali għeluq ta’ mhux għajn waħda imma tat-tnejn u komplet li nemmen li wassal biex meta wasal il-waqt in-nies ta’ rieda tajba ħassew li għandhom jipprotestaw. Iva ebda Ministru, ebda Membru Parlamentari minn Kamra sħiħa ma jlissen nofs kelma dwar dan? Kollha qishom it-tliet xadini proverbjali!

Il-mistoqsija kruċjali: għaliex daqstant kompromessi? Għaliex hawn daqstant min iħossu li jista’ jagħmel li jrid?

Hemm bżonn ta’ kuxjenza soċjali mill-banek kummerċjali u mill-awtoritajiet

Ġie f’idejja fuljett bl-isem Il-Bastun maħruġ kull xahrejn minn Floriana Senior Citizens (FSC). Laqtitni kitba ta’ Publio Agius, President FSC, bit-titlu t’hawn fuq. Qed nirriproduċiha kelma b’kelma. Nistqarr li lanqas indenjajt ruħi nitlob il-permess tiegħu nagħmel dan għax tant inħoss li dak li kiteb huwa minnu u ġustifikat. Aktar minn hekk dak li kiteb dwaru, għalkemm fil-konfront ta’ anzjani Furjaniżi, hawn ħafna u ħafna aktar anzjani mal-pajjiż kollu milqutin mill-istess problema.

Publio Agius kiteb hekk: Fid-dinja diġitali li qed ngħixu fiha, il-ħtieġa li titgħallem u tibqa’ aġġornat saret indispensabbli. Il-postijiet pubbliċi, kemm kummerċjali kif ukoll governattivi huma armati b’attrezzaturi diġitali li għalkemm jistgħu jkunu aktar effiċjenti għall-maġġoranza tal-pubbliku, madankollu jistgħu joħolqu problemi reali speċjalment għall-anzjani u dawk li assolutament id-dinja diġitali ma tgħoddx għalihom. Dawn għandhom kull dritt li jinqdew bil-mod kif jafu huma.

Hu ta’ għajb li fil-Floriana t-tliet banek kummerċjali, HSBC, BOV u APS dabbru rashom u ħallew numru kbir ta’ anzjani u oħrajn fl-inkwiet. Hu fatt li numru minn dawn l-anzjani sabuha assolutament diffiċli li jorjentaw ruħhom għad-dinja diġitali. X’ġara? Mela jew kellhom jieħdu l-keded biex imorru jiġbdu l-flus mill-kontijiet tagħhom mill-Belt, għax hemm jinsab l-eqreb bank li jagħti dan is-servizz, jew inkella kellhom jikxfu għajnhom ma’ ħaddieħor bir-riskji kollha. Din hi l-kuxjenza soċjali li jiftaħru biha l-banek f’Malta? Dan hu s-servizz li l-klijent jistenna mill-banek?

Li nieħu bi kbira mhux li jiddaħħlu sistemi moderni jew aktar effiċjenti, għax dawk huma utli u jġibu magħhom progress. Li jweġġagħni ħafna hu l-fatt li jiġu introdotti sistemi mingħajr ma jkun aċċertat jekk hux kulħadd hu familjari mas-sistemi ġodda. Ħaġ’oħra hi li l-uniku ATM li tħalla fil-Floriana, spiss tkun ‘out of order’, u din daqqa oħra anke għal dawk l-anzjani li bi sforz ikunu tgħallmu jużaw il-card, u wara kedda li jkunu ħadu biex jaslu sal-post ikollhom jerġgħu lura mingħajr ma jinqdew. Ir-raġunijiet jistgħu jkunu jew ħsarat, jew jispiċċaw il-flus, eċċ. Mhux bilfors, jekk kulħadd irid jinqeda minnha: impjegati, residenti Furjaniżi, uffiċini u dipartimenti tal-gvern u l-pubbliku ġenerali!

F’isem il-FSC tkellimt waqt seduta tal-Parlament, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Anzjani, xi sentejn ilu, kif ukoll fuq programmi tat-televiżjoni u ktibt direttament lill-banek kummerċjali, iżda milli jidher il-faxxa ta’ klijenti li jużaw is-servizzi ta’ tisrif bil-mod tradizzjonali, kienu qed joħolqu problemi finanzjarji kbar għall-banek, u għalhekk ma ntgħoġbitx! Qed nitkellmu fuq persuni vulnerabbli u min joffri s-servizz irid ikun konxju mill-ansjetà li jkollhom jgħaddu minnha l-anzjani meta jiġu wiċċ imb wiċċ ma’ dawn il-problemi. Addio l-ħafna retorika u l-kliem sabiħ fil-mission statements:
BOV – “Provide excellent service to our customers and help them find the best solutions to their financial needs”.

APS – “To make the banking experience simpler and more personal, inspired by a commitment to social, economic and environmental progress while providing all stakeholders with opportunities to grow”.

HSBC – “…..getting involved in our local communities to support those most in need. (12 June 2020).

Inħalli fil-ġudizzju tal-qarrejja jekk fir-realtà l-banek humiex jindirizzaw il-problemi soċjali tal-anzjani jew le.

Kunsill Lokali Floriana u Gvern Ċentrali tgħidulix li dak li kiteb Publio mhux realtà. Tgħidulix li ma jista’ jsir xejn. Dak huwa parti mill-polz tal-poplu.

Prosit Publio! Kull kelma oħra ma’ dak li ktibt tkun żejda.

Ekonomija

Sport