Thursday, December 26, 2024

Pjazza San Ġorġ mibdula fi “Ġnien tal-Ħolm”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Pjazza San Ġorġ, il-Belt Valletta, inbidlet fi ġnien tal-ħolm li nħoloq temporanjament bħala spazju aħjar. Din l-attività qiegħda ssir bħala parti mill-Valletta Green Festival, bil-ġnien jinkludi aktar minn 18,000 pjanta ta’ kull varjetà u kulur flimkien ma’ attrazzjonijiet oħra.

Minbarra f’hekk, wieħed jista’ jsib ukoll siġar maturi għoljin sa tliet metri li joħolqu xena tassew spettakolari. Il-ġnien impressjonanti huwa mifrux fuq 42.82 metru b’27.53 metru, u joffri lil min iżuru spazju sabiħ li jkun jista’ jesplora.

Il-pjanti u s-siġar intgħażlu bir-reqqa biex joħolqu wirja sabiħa u armonija ta’ kulur, tessut u ħajja. L-attivitajiet jibdew mill-Erbgħa 3 ta’ Mejju sal-Ħadd 7 ta’ Mejju mill-10.00 a.m. sat-8.00 p.m. kuljum u mill-10.00 a.m. sal-10.00 p.m. il-Ħadd.

L-akbar edizzjoni tal-Valletta Green Festival li qatt ittellgħat testendi minn Pjazza San Ġorġ għal Triq it-Teatru l-Antik, Pjazza Tritoni u diversi toroq u pjazez fil-Belt Valletta.

Wieħed jista’ jiġi jixtri mingħand intraprendituri kreattivi fl-Eko Market mifrux tul Triq it-Teatru l-Antik u jista’ wkoll jinzerta flash mob minn Dancel Dance Studio f’diversi toroq u pjazez madwar il-Belt Valletta fejn se jkun hemm iżjed minn 50 żeffien li se jkunu qed jagħmlu żfin immirat li jqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet ambjentali.

Il-Valletta Green Festival jospita diversi stands minn Ambjent Malta, ERA, EWA (Water Be the Change), Project Green, l-Eco Market, Missio u t-trakk tal-Wasteserv roadshow kif ukoll stand għall-Valletta Design Cluster li se jkun qed jieħu ħsieb numru ta’ attivitajiet.

Fil-kummenti tiegħu, iċ-Ċermen tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li l-idea li jinħoloq dan il-ġnien issa saret realtà fejn inħoloq “pulmun aħdar” f’din il-pjazza.

Filwaqt li innota li dan il-ġnien mhux se jkun permanenti fi Pjazza San Ġorġ, Micallef qal li dan intlaqa’ b’mod pożittiv ħafna sa mill-ewwel sigħat tiegħu. Qal ukoll li “dan huwa sinjal qawwi tal-kuxjenza ambjentali li tmexxi ħafna mill-proġetti tagħha l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta.”

Ekonomija

Sport