Friday, December 13, 2024

PL: Għandna pjan biex inżidu l-pensonijiet għall-anzjani

Aqra wkoll

Il-Ministru Michael Falzon qal li jekk kien hemm xi ħaġa li taw prijorità bħala leġiżlatura kien is-settur tal-anzjani. Qal li l-Partit Laburista huwa partit li mhux biss jista’ jiggarantixxi dak li diġà ksibna, imma jistgħu jiggarantixxu aktar għall-futur.

Il-Ministru Falzon qal li kif spjega tajjeb l-Prim Ministru jħarsu ‘l quddiem biex il-pensjonanti jagħtuhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Qal li dak li jwiegħdu, iwettquh u jwettqu aktar milli dak li jwiegħdu.

Żied jgħid li l-għan tagħhom huwa li jżiedu l-pensjonijiet bi €15 fil-ġimgħa matul il-leġiżlatura li ġejja, żieda li tikkuntrasta bi kbir għal dak li ġara taħt amministrazzjonijiet differenti fejn il-pensjonijiet baqgħu ffriżati għal aktar minn 20 sena sħaħ.

Qal li qed jitkellmu li kull pensjonant jara żieda ta’ €2,340 tul dik li hija l-leġiżlatura. Dan apparti li jaraw li r-romol jieħdu l-pensjoni sħiħa. Dan huma parti minn żidiet oħrajn li jista’ jkun hemm fosthom dak marbut mal-għoli tal-ħajja.

Żied jgħid li l-proġettazzjoni hija li tul il-leġiżlatura mal-€1.1 biljun li se jinvestu fl-anzjani tagħna din is-sena, f’ħames snin se jkun hemm żieda ta’ €240 miljun oħra fuq dak li huwa l-vot tal-pensjonanti.

Qal li għalihom dawn mhumiex ħela ta’ flus imma miżuri kruċjali biex jassiguraw li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-poplu u mhux lanqas tal-pensjonanti.

Żied jgħid li l-impenn tagħhom mhux biss li jagħtu dawk kollu li wiegħdu imma jkunu hemm ukoll f’ċirkostanzi li jistgħu jinqalgħu bħalma rajna.

“Il-wegħda tagħna li mmorru għall-pensjoni sħiħa għar-romol hija wegħda li se nwettquha u diġà bdejna nwettquha. Tul il-leġiżlatura se jaraw żieda ta’ 17% fil-pensjoni tagħhom. Dan kollu nistgħu nagħmlu għax għandna ekonomija b’saħħitha,” qal il-Ministru Falzon.

Fl-indirizz tagħha, il-Kandidata Laburista Alison Zerafa Civelli qalet li dan huwa gvern li għandu l-kredibiltà fuq il-pensjonijiet u bħala Gvern urew li jinsabu magħhom. Qalet li l-poplu jista’ jinduna kif Partit Nazzjonalista rari jitkellem dwar il-pensjonijiet, la fl-aġenda tiegħu wisq anqas fl-aġir tiegħu.

Qalet li l-aġir tal-Partit Laburista juri biċ-ċar fejn tħabbat il-qalb ta’ dan il-moviment u huwa dak li jiddistingwihom mill-PN. Sostniet li l-anzjani kienu, għadhom u se jibqgħu prijorità tagħhom.

Semmiet kif fl-aħħar snin żiedu l-pensjonijiet sena wara l-oħra, taw l-għajnuniet u ħadmu biex jeradikaw il-problema tal-mediċini out-of-stock. 

Tkellmet kif mill-2018 ‘il hawn bdew iżiedu l-pensjonijiet, minbarra għall-għoli tal-ħajja u magħhom kien hemm ħafna inizjattivi oħra, fosthom tal-fatt li persuni li qatt ma kienu ħadu l-pensjoni bdew jieħduha. Qalet li mhux ta’ b’xejn li matul din is-sena n-nefqa fuq il-pensjonijiet biss se tilħaq il-€1 biljun għall-ewwel darba.

Ekonomija

Sport