Id-derby ta’ Manchester se jkun l-attrazzjoni prinċipali tal-Premier League Ingliż fil-programm ta’ tmiem il-ġimgħa hekk kif Manchester United jilqgħu lil Manchester City f’Old Trafford.
Derby ieħor mill-aktar interessanti huwa dak ta’ Londra bejn Tottenham Hotspur u Arsenal.
Man Utd v Man City – Iċ-champions Ingliżi Manchester City għandhom impenn ferm diffiċli għand Manchester United f’konfront dirett fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika.
Filwaqt li s-Citizens iridu jżommu l-pass mal-leaders Arsenal, rebħa għar-Red Devils tarahom jitilgħu punt taħt l-istess Manchester City.
Bla dubju, il-moral ta’ dawn tal-aħħar bħalissa huwa ferm baxx minħabba li għadhom kif ġew eliminati mill-kwarti-finali tal-League Cup minn Southampton.
Min-naħa tal-United, jidhru li ġejjin f’tagħhom u forsi t-tluq ta’ Cristiano Ronaldo serva sabiex it-team isib l-identitá tiegħu.
Min-naħa l-oħra, Marcus Rashford huwa l-ispirazzjoni tat-team fejn sab il-forma tiegħu u ma jistax jieqaf jiskorja.
Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formazzjoni possibbli bl-eċċezzjoni tad-difenur tas-City, Ruben Diaz, li jinsab imweġġa’.
Tottenham vs Arsenal – Dan il-konfront ilaqqa’ l-aktar partita taħraq f’Londra bejn żewġ rivali eterni, Tottenham u Arsenal, li qed jesperjenzaw fortuni diversi.
Filwaqt li Arsenal jinsabu fil-quċċata tal-klassifika, Tottenham jinsabu fil-ħames pożizzjoni … 11-il punt taħt il-Gunners.
Iżda din se tkun partita diffiċli għal dawn tal-aħħar u xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa l-kriterji tagħhom minħabba l-biżgħa li jibdew jinħakmu mill-pressjoni tal-kmandi tal-klassifika.
Il-coach ta’ Spurs, Antonio Conte, ma jistax jinkludi lil Dejan Kulusevski, Richarlison u Rodrigo Bentancur li qed jirkupraw minn injury filwaqt li Arensal għandhom lil Reiss Nelson u Gabriel Jesus imweġġgħin.
Brighton v Liverpool – Brighton jimmiraw li joħolqu sorpriża u jagħtu telfa oħra lil Liverpool aktar u aktar għax se jkollhom il-vantaġġ li se jilagħbu f’darhom.
Ironikament, is-Seagulls jinsabu punt taħt l-istess Liverpool li qed ikunu konsistenti fl-inkonsistenza bil-biżgħa li din id-darba jistgħu jfallu milli jikkwalifikaw għal post fil-UEFA Champions League.
Brighton għandhom dubjuż lil Leandro Trossard filwaqt li Liverpool ma jistgħux jinkludu lil Virgil Van Dijk, James Milner, Roberto Firmino, Diogo Jota, Luis Diaz u Arthur.
Newcastle v Fulham – Newcastle jittamaw li jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta jilqgħu f’darhom lil Fulham.
Il-Magpies irkupraw tajjeb wara t-telfa xejn mistennija kontra Sheffield Wednesday bl-iskor ta’ 2-1, fl-FA Cup, biex għelbu lil Leicester City bl-iskor ta’ 2-0 fil-kwarti-finali tal-League Cup.
Huma jinsabu fit-tielet post tal-klassifika bl-istess numru ta’ punti daqs Manchester United iżda b’logħba aktar. Għalihom qed jispikka l-attakkant Paragwajan, Miguel Almiron, li diġá skorja disa’ goals staġjonali għalihom.
Fulham jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika bi 28 punt u qed jiġġieldu għall-post fil-UEFA Europa League. Huma se jkollhom neqsin lil Shane Duffy u Neeskens Tebano li huma mweġġgħin.
Il-programm kollu:
Man U. v Man C. 1.30
Brighton v Liverpool 4.00
Everton v Southampton 4.00
Nottm F. v Leicester 4.00
Wolves v West Ham 4.00
Brentford v Bournemouth 6.30
Għada
Chelsea v C.Palace 3.00
Newcastle v Fulham 3.00
Tottenham v Arsenal 5.30