Saturday, December 21, 2024

Play-Offs tat-Tazza tad-Dinja: Ronaldo, Ibrahomovic u Bale, 90 minuta bogħod mill-kwalifikazzjoni

Aqra wkoll

Tliet stilel, tnejn veterani u l-ieħor mhux ‘il bogħod minnhom, jinsabu 90 minuta biss bogħod biex jikkwalifikaw għall-finali tat-Tazza tad-Dinja 2022 li se ssir aktar tard din is-sena f’Novembru u f’Diċembru fil-Qatar.

Dawn huma l-Portugiż ta’ Manchester United, Cristiano Ronaldo, l-Isvediż ta’ Milan, Zlatan Ibrahimovic, u l-Welshman ta’ Real Madrid, Gareth Bale.

Wales iridu jiltaqgħu kontra r-rebbieħ tat-tielet semi-finali bejn l-Iskozja u l-Ukrajna li ġiet posposta għal Ġunju minħabba l-invażjoni li għaddejja bħalissa f’pajjiżhom mir-Russja.

Illum se jkunu fl-azzjoni l-Portugall kontra l-Maċedonja ta’ Fuq waqt li l-Isvezja jiltaqgħu kontra l-Polonja għand dawn tal-aħħar.

Minbarra dawn iż-żewġ finali Ewropej bħal­issa qed jintlagħbu l-aħħar battuti ta’ żoni oħra biex inkunu nafu l-kwadru kollu tal-finalisti fejn illum ukoll se jkunu magħrufa l-ħames timi­jiet Afrikani minbarra li hemm konfederaz­zjonijiet oħra li t-timijiet tagħhom għadhom ma kkwalifikawx.

Il-ġimgħa l-oħra l-Portugall, immexxija mill- captain Ronaldo, ħarġu rebbieħa 3-1 fuq it-Turkija waqt li l-Maċedonja tfaċċaw b’sorpriża kbira meta f’Palermo għelbu liċ-champions Ewropej, l-Italja, 1-0, b’goal żewġ minuti fuq il-ħin normali minn Alexsandar Trajkovski.

Għat-Taljani din it-telfa kienet xokk kbir meta kienet tfisser li mhux se jkunu fil-finali għat-tieni darba wara l-oħra u sal-finali tal-2026, l-attakkant Mario Balotelli se jkun l-aħħar skorer tagħhom fil-finali fi 12-il sena.

Wara dan kollu hija ħaġa ċerta li l-coach Fernando Santos se joqgħod ferm attent kif jippjana l-istrateġija tiegħu biex Ronaldo ma jfallix bħall-ex sħabu ta’ Juventus. 

Minn dan il-lat se jkun hemm super stilel bħall-Brażiljan Neymar u l-Arġentin Lionel Messi jistennewhom ħalli jagħmlu l-manifestazzjoni li ssir kull erba’ snin waħda li ma tintnesiex.

Min-naħa tagħhom l-Isvezja għelbu lir-Repubblika Ċeka 1-0 wara l-ħin barrani b’goal tas-sostitut Robin Quaison fi Stokkolma meta dak in-nhar Ibrahimovic kien sospiż iżda llum se jkun għad-dispożizzjoni tal-coach.

Min-naħa tal-Polonja huma ngħataw bye fis-semi-finali minn fuq ir-Russja meta bħalissa dawn jinsabu fi gwerra fl-Ukrajna.

Wales, li fis-semi-finali għelbu lill-Awstrija 2-1 b’żewġ goals stupendi ta’ Bale, mhux se jkunu fl-azzjoni llum meta se jistennew is-semi-finali bejn l-Ukrajna u l-Iskozja li ġiet posposta għal Ġunju.

Iż-żewġ logħbiet tal-lum jibdew fid-8.45 pm.

Ekonomija

Sport