Persuna mietet u mill-inqas ħamsa oħra ndarbu – xi wħud serjament – minn daqqiet ta’ sikkina f’supermarket qrib il-belt Taljana ta’ Milan.
Il-midja lokali rrapportat li kaxxier ta’ supermarket ta’ 30 sena miet wara li raġel beda jattakka lin-nies f’Assago.
Fost dawk li weġġgħu kien hemm Pablo Mari, midfielder ta Monza misluf mingħand Arsenal.
Is-suspettat li għandu 46 sena nżamm arrestat. Il-pulizija eskludiet kwalunkwe mottiv terroristiku.
Rapporti qalu li l-aggressur kellu problemi ta’ saħħa mentali u kien qabad l-arma mill-ixkafef tas-supermarkets.
Ir-raġel beda jagħti bis-sikkina lin-nies bl-addoċċ, f’Carrefour, f’ċentru kummerċjali lokali.
L-aggressur imbagħad inżamm minn diversi klijenti u eventwalment mgħoddi lill-pulizija li waslu fuq il-post.
Mari, difensur Spanjol ta’ 29 sena, sofra daqqa ta’ sikkina f’dahru – iżda l-ġrieħi tiegħu mhumiex ta’ theddida għall-ħajtu.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Monza Adriano Galliani qal li Mari kien qed jixtri ma’ martu u ibnu ż-żgħir meta seħħ l-attakk.