Saturday, December 21, 2024

Players mhux mlaqqma mhux se jieħdu sehem fl-Australian Open

Aqra wkoll

Players mhux imlaqqma mhux se jitħallew jikkompetu fl-Australian Open tal-2022, jgħid id-direttur tat-tournament Craig Tiley.

Kien hemm konfużjoni dwar il-kwistjoni fl-aħħar xhur b’dikjarazzjonijiet kontradittorji minn politiċi ewlenin Awstraljani.

Iċ-champion renjanti tal-irġiel, Novak Djokovic, qal li ma jridx jiżvela l-istat tat-tilqim tiegħu pubblikament.

“Novak jaf li se jkollu jitlaqqam biex jilgħab,” qal Tiley.

“Nixtiequ li jkollna lilu hawn.”

Tiley ikkonferma wkoll li t-tournament, li se jsir bejn is-17 u t-30 ta’ Jannar f’Melbourne, se jintlagħab quddiem folol normali.

Djokovic, 34 sena, jista’ jirbaħ rekord ta’ 21 titlu ewlieni tal-irġiel jekk jilgħab f’Melbourne Park, fejn rebaħ it-tournament għal disa’ darbiet.

Ix-xahar li għadda, is-Serb qal li huwa nċert jekk hux se jilgħab, u żied li kien qed jistenna konferma minn Tiley qabel ma jieħu deċiżjoni.

Waqt li tkellem kmieni l-ġimgħa l-oħra fil-finali tal-ATP Finals li temmew l-istaġun f’Turin il-bieraħ, Djokovic qal: “Il-libertà tal-għażla hija essenzjali għal kulħadd, mhux biss jekk hux jien jew xi ħadd ieħor, ma tantx jimpurtax.

“Jekk hux tilqim jew xi ħaġa oħra fil-ħajja, għandu jkollok il-libertà li tagħżel, li tiddeċiedi x’tixtieq tagħmel f’dan il-każ partikolari, dak li trid tpoġġi fil-ġisem tiegħek.”

L-aħħar ċifri juru li 80% tal-aqwa 100 player tal-irġiel issa huma mlaqqmin kontra l-Covid-19.

Kważi 80% tal-aqwa 100 player tan-nisa wkoll irċevew it-tilqima, biċ-ċifra tinkludi l-players kollha li kkompetew fis-singles u fid-doubles fil-WTA Finals tal-ġimgħa li għaddiet f’Guadalajara.

F’Ottubru, l-kunsill tal-players tal-WTA bagħat ittra lill-players fejn qal li l-kompetituri kollha se jkunu jistgħu jivvjaġġaw lejn Melbourne.

L-ittra qalet ukoll li l-players kollha, irrispettivament mill-istatus tat-tilqima, ikollhom juru prova ta’ test negattiv fi żmien 72 siegħa mit-tluq.

Madankollu, il-Premier ta’ Victoria, Daniel Andrews, f’Ottubru qal li ma jaħsibx li tennista mhux imlaqqam se jingħata visa biex jidħol fl-Awstralja.

L-Awstralja kellha wħud mill-aktar restrizzjonijiet stretti fuq l-ivvjaġġar u l-moviment matul il-pandemija tal-coronavirus.

Il-players, l-uffiċjali u l-istaff ta’ appoġġ li vvjaġġaw għat-tournament tal-2021 kienu meħtieġa joqogħdu għal perjodu ta’ kwarantina ta’ 14-il jum mal-wasla tagħhom fl- Awstralja.

Xi wħud ma tħallewx jitilqu mill-kmamar tal-lukanda tagħhom wara li nstabu każijiet tal-coronavirus fuq it-titji­riet tagħhom, li wassalhom biex jistabbilixxu prattiċi improvvisati fil-kmamar tagħhom.

It-team tal-cricket tal-irġiel tal-Ingilterra, li bħalissa jinsab fl-Awstralja għall-Ashes, qattgħu ġimagħtejn fi kwarantina f’ċentru turistiku tal-Gold Coast qabel ma setgħu jibdew it-tħejjijiet tagħhom bis-sħiħ.

Ekonomija

Sport