Plejer tal-futbol li allegatament ta daqqiet bil-ponn u bis-sieq lil goalkeeper f’wiċċu, inżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu.
L-inċident seħħ il-Ħamis li għadda waqt partita fuqbol fil-ground tal-Infetti, f’Birkirkara. Il-plejer, Nikola Neskovic ta’ 25 sena, ġie muri l-karta l-ħamra fi tmiem il-partita. Ftit wara, qam argument dwar deċiżjonijiet ikkontestati meħuda mir-referee.
Sussegwentement, inqalgħet ġlieda li matulha Neskovic reġa’ daħal fil-grawnd u allegatament ħebb għall-goalkeeper tat-tim rivali. Il-vittma spiċċa b’imnieħer miksur filwaqt li Neskovic kien arrestat.
Dan tal-aħħar tressaq il-Qorti lbieraħ fejn wieġeb mhux ħati li kkaġuna feriti gravi fuq il-vittma, li insulentah u heddu kif ukoll li kiser il-paċi pubblika permezz ta’ għajjat u ġlied.
Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, fejn argumentat li huwa kien ilu jgħix Malta għal aktar minn sentejn, kellu residenza fissa u impjieg stabbli kif ukoll li kellu fedina penali nadifa. Barra minn hekk, min iħaddmu kien lest ukoll li jidħol bħala terz garanti.
Il-Maġistrat Monica Vella, ċaħdet it-talba fid-dawl tal-fatt li l-allegata vittma għad trid tixhed.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Clayton Camilleri u Andrew Agius Bonello.
L-Avukati Jacob Magri u Kris Busietta dehru għall-imputat.