Thursday, February 5, 2026

Poeżija lill-Monsinjur Victor Grech

Aqra wkoll

(F’għeluq l-ewwel sena minn meta mar jiltaqa’ mal-Ħallieq)

Meta kont żgħir ridt issir tabib jew qassis,

Minn ċkunitek mimli ħeġġa biex tkun ta’ ġid,

Smajt is-sejħa tal-Mulej u weġibt iva,

F’missjoni, miegħu kkollaborajt id f’id.

Għext il-fidi b’mod ħaj u b’awtentiċità,

L-eżempju tiegħek kien l-aqwa omelija,

Kont qassis li għamilt ħoss li ħalla effett,

 Minnek ħareġ il-kuraġġ, tat-tama d-dija.

Tant erwieħ imtaqqla fittxewk, Ġrew għal għandek,

Il-poplu għarfek bħala bniedem sensibbli,

Ma tirrifjuta lil ħadd, Tilqa’ lil kulħadd,

Minn qalbek b’umiltà dejjem disponibbli.

Gelglu minnek widien ta’ faraġ u mħabba,

Ma tiġġudikax u tifhem, tagħder u tħenn,

Ksibt il-fiduċja sħiħa ta’ qlub imġarrba,

 Hekk li ħafna nies sabu fik missier ta’ kenn.

“Jien inħobbhom in-nies”, kont tgħid bi tbissima,

Kemm demgħat xerridt fin-niket u l-ferħ tagħhom!,

Fik raw persuna li jimpurtaha minnhom ,

 Li timxi l-mixja mżewqa tal-ħajja magħhom.

L-avventura ta’ ħajtek waslet fi tmiemha

u l-Missier riedek tmur tgawdiH fl-eternita’,

Malta bkietek u tatek tislima t’eroj, 

Ħallejt vojt imma wkoll sens ta’ serenità. 

‘’F’kull waqgħa hemm iż-żerriegħa ta’ qawmien ġdid’’,

 “Inħobbok’’, kliem li jibqa’ jidwi tul is-snin,

Xtaqt li l-legat li ħallejt jibqa’ jagħti l-frott

 u fih il-memorja tiegħek qatt mhi se tnin.

ALISON TONNA

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport