Monday, December 23, 2024

POLICY KONTRA L-ISTIGMA 

Aqra wkoll

Fis-soċjetà li ngħixu fiha sfortunatament għadek issib każi ta’ diskriminazzjoni kontra individwi jew gruppi ta’ nies minħabba karatteristiċi li jiddistingwuhom minn membri oħra tas-soċjetà. Minħabba stigma li x’aktar tkun ġejja minn għexieren ta’ snin ilu, liema stigma baqgħet tinġarr minn ġenerazzjonijiet, ħafna drabi, dawn l-individwi jew gruppi jkollhom jiġu mċaħħda milli jirrealizzaw il-ħolm tagħhom biex ikunu jistgħu jiġu aċċettati mill-bqija tas-soċjetà.

Fost l-aħħar żviluppi, it-tattoo policy ġdida għall-Korp tal-Pulizija, li tirregola b’mod aktar modern tattoos tal-uffiċjali tal-Pulizija nemmnu li kienet deċiżjoni importanti fil-bżonn li s-soċjetà, tibda tnaqqas din l-istigma b’mod għaqli u li jagħmel sens. Tajjeb li minkejja li naqblu li ċertu projbizzjonijiet huma jew aħjar kienu stretti ż-żejjed, oħrajn hemm bżonn li jinżammu taħt kontroll minħabba l-kariga ta’ dawn in-nies. Minħabba f’hekk nemmnu aħna wkoll li l-policy tinkludi ċertu kriterji ta’ etika. Skont il-policy l-ġdida, il-wiċċ, l-għonq u l-pala tal-id jibqgħu projbiti ħlief għal raġunijiet mediċi. Barra minn hekk tattoos espliċiti, vulgari, marbuta ma’ politika jew diskriminazzjoni, jew tattoos oħra kontra l-policy huma projbiti wkoll.

Din il-policy tkompli tikkonferma dwar il-bżonn li jkun hemm diskussjonijiet kontinwi qabel tinħareġ id-deċiżjoni finali. Smajna kemm-il darba dwar il-possibbiltà li l-Pulizija jiġu aċċettati bit-tattoo fil-korp, iżda b’imma kbira li biex jagħmlu dan kien se jkollhom jgħattuha waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Deċiżjoni mgħaġġla setgħet twassal biex minflok tintlaqa’ d-deċiżjoni, tkompli toħloq reazzjoni ta’ rabja anke minħabba temperaturi li qegħdin ikomplu jogħlew u li jistgħu jikkawżaw skumdità lil dawn l-uffiċjali li joffrulna servizz.

Aħna bħala ġurnal, mhux talli naqblu ma’ din il-policy il-ġdida, talli nieħdu l-opportunità biex inħeġġu lill-Ministru konċernat biex jagħti direzzjoni ħalli din tkun applikata f’aktar postijiet tax-xogħol. Nemmnu li fil-verità l-iktar, li beda jitlef kien il-Korp u mhux iż-żgħażagħ jew dawk li saħansitra forsi ħallew karriera fil-korp biex jagħmlu din il-bidla fid-dehra tagħhom li tant kien ilhom itellgħu u jniżżlu biex jagħmlu tattoo.

Intennu li din il-policy il-ġdida tista’ tkun il-pedament tat-triq li tista’ twassal biex wara tant snin titkisser l-istigma li jbatu minnha ħafna persuni minħabba tattoos fost affarijiet oħra. Tajjeb li niftakru li jekk tkun f’mument ta’ diffikultà serja bejn ħajja u mewt, ma tagħmilx sens li tirrifjuta l-ewwel assistenza medika minn xi ħadd għax ikollu t-tattoos… fi ftit kliem nemmnu li l-valuri tal-persuna għandhom jiddefinixxuha u mhux l-apparenza tagħhom li sfortunatament ħafna drabi jiġu ttimbrati minħabba fiha.

Ekonomija

Sport