Sunday, May 5, 2024

“Ikun hemm każi fejn ikun tard wisq meta l-bniedem jikkontrolla l-biża’ li taħkmu”

Psikologa tispjega dwar il-‘General Adaptation Syndrome’ u l-effetti tiegħu

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem il-Pulizija xerrdet l-appell tagħha b’rabta ma’ każ ta’ hit and run fejn persuna allegatament tajjar raġel ieħor u telaq minn fuq il-post. Fl-appell tiegħu, kelliem għall-Pulizija ħeġġeġ lill-persuna involuta fl-inċident biex f’każ li f’mument li fih inħakem mill-paniku seta’ għaġġel u telaq minn fuq il-post, jagħti ruħu b’idejh lill-Pulizija biex ikunu jistgħu jtemmu l-investigazzjonijiet b’rabta mal-każ. 

Mingħajr ma nidħlu fil-mertu tal-każ bħala sit, anke minħabba l-fatt li l-allegat sewwieq ġie arrestat u qiegħed jaffaċċja proċeduri fil-Qorti, tkellimna mal-Psikologa Katya De Giovanni dwar l-emozzjonijiet varji li jistgħu jaħkmu lill-individwu f’mument ta’ paniku jew stress akkumulat.

Il-Psikologa qalet li f’ħajtu kulħadd, xi darba jew oħra jesperjenza mumenti ta’ biża’ minħabba raġunijiet li jistgħu jkunu varji. Issib min jiġi aggredit, min jispiċċa fi ġlieda ta’ vjolenza, min jisfa’ vittma ta’ xi abbuż fiżiku jew sesswali u lista sħiħa ta’ esperjenzi oħra. Dawn l-esperjenzi kollha flimkien ma’ ħafna oħrajn jistgħu jikkawżaw dak li jissejjaħ ‘fight to flight response’ jew ‘acute stress response’. De Giovanni spjegatilna li dan il-fenomenu jirreferi għal reazzjoni fil-ġisem fejn niddeċiedu li xi ħaġa għandha tbeżżagħna. Fil-verità din ir-reazzjoni tiġi kkawżata minn ormoni li jippreparaw lil ġisimina biex naffrontaw xi ħaġa jew biex insibu post li fl-opinjoni tagħna huwa aktar kenni. 

Il-Psikologa spjegat ma’ talk.mt li l-mod kif jirreaġixxi ġisimna f’dawn iċ-ċirkustanzi jirrapreżenta l-għazliet li għamlu missirijietna meta espejenzaw il-periklu. Kien sewwa sew fl-għoxrinijiet tas-seklu l-ieħor li Walter Cannon induna b’dan il-mekkaniżmu iżda kien Hans Selye aktar tard fis-sebgħinijiet li ħadem bir-reqqa fuqu u żviluppa l-‘General Adaptation Syndrome’. Dan jikkawża sinjali f’ġisimna bħalma huma żieda fil-polz, insiru pallidi minħabba li d-demm jinżel fil-muskoli, nibdew nitregħdu u għajnejna jkunu aktar iffukati minħabba li l-pupilla tal-għajn tispiċċa tinfetaħ. Kompliet biex tispjega li din is-sensazzjoni ddum madwar 20 minuta u għaldaqstant f’ċertu ċirkustanzi wieħed iqis li dan huwa tul ta’ ħin pjuttost twil li xi drabi jaf jiswa wkoll il-ħajja ta’ bniedem.

“Għalkemm ħafna drabi dan il-mekkaniżmu jaf isalvalek ħajtek, kultant pero ma jħallikx tirraġuna kif suppost. Hemm min, per eżempju jesperjenza biza’ esaġerata li tippreġudika l-ħsieb u l-perċezzjoni ta’ dak li jkun qed jiġri madwaru. F’sitwazzjonijiet fejn tinħtieġ l-ewwel għajnuna, wiehed ikun irid jikkontrolla dan il-mekkaniżmu sabiex ikun jista’ jagixxi kif jinħtieġ, jekk le jista’ jkollu jaffaċċja konsegwenzi mhux daqstant mixtieqa”, temmet tgħid il-Psikologa.

Sport