Wednesday, April 24, 2024

Politiċi Libjani jiltaqgħu f’Malta dwar l-għaqda u r-rikonċiljazzjoni fil-Libja

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ltaqa’ ma’ grupp ta’ politiċi Libjani minn bnadi differenti tal-Libja li ftehmu li jiltaqgħu f’Malta biex jiddiskutu l-għaqda nazzjonali u r-rikonċiljazzjoni fost il-Libjani wara li ilhom disa’ snin fi gwerra.

Il-Ministru Bartolo appellalhom biex jaħdmu flimkien, jaħfru lil xulxin u jibnu l-għaqda nazzjonali bejniethom kif bl-istess mod iridu jibnu mill-ġdid l-ajrurporti, il-power stations, is-servizzi tad-dawl u tal-ilma, l-isptarijiet, l-iskejjel u d-djar li ġġarrfu bil-gwerra.

Il-Ministru Bartolo awgura li l-ħidma tagħhom tingħaqad ma’ ta’ oħrajn li jridu Libja magħquda, immexxija mil-Libjani u fejn il-ġid tal-pajjiż jintuża għall-benefiċċju tal-Libjani kollha.

Il-Ministru Bartolo qal li kull inizjattiva favur il-paċi u l-għaqda fil-Libja għandha tkun gwidata mill-proċess tal-Ġnus Magħquda u ta’ Berlin u m’għandhomx jittieħdu inizjattivi li jħarbtu x-xogħol delikat u diffiċli li wassal għal waqfien mill-ġlied maqbul u osservat biex il-Libja terġa’ tieħu r-ruħ u l-poplu Libjan ma jibqax ibati kif ilu jbati għal dawn is-snin kollha.

Huwa qal li Malta trid tagħti s-sehem ċkejken u modest tagħha għall-ġid tal-Libjani stess u tal-Maltin, li minbarra li huma popli ġirien, ilhom ħafna snin jgħinu lil xulxin meta jkollhom bżonn.

Sport