Sunday, December 22, 2024

POLITIKA ĠDIDA DWAR L-ENERĠIJA RINOVABBLI

Aqra wkoll

Qasam li fih il-Gvern qiegħed jara potenzjal qawwi ta’ investiment huwa dak tal-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli. Din il-viżjoni wasslet sabiex ilbieraħ tnediet l-ewwel politika nazzjonali li qatt kellu pajjiżna dwar proġetti offshore.

Fil-kuntest ta’ dan, qabel aġġorna għall-btajjel tas-Sajf, il-Parlament iddiskuta l-abbozz ta’ Liġi dwar iż-Żona Ekonomika Esklussiva sabiex ikun imwessa’ t-territorju minn fejn issir l-attività ekonomika mingħajr ma tiġi żviluppata l-art. 

Dan ifisser li żona ‘l barra mit-12-il mil nawtiku, jew aħjar ‘il barra mill-ibħra territorjali Maltin, se tkun qiegħda tiġi użata għat-twettiq ta’ din l-istess attività ekonomika.

Bit-tnedija ta’ din il-politika nazzjonali ġdida, għall-ewwel darba investituri privati se jkollhom viżibilità fuq attività ta’ proġetti ta’ enerġija nadifa fiż-Żona Ekonomika Esklussiva ta’ Malta. 

Sa ftit ilu l-viżjoni ta’ kull gvern kienet it-tiftix għaż-żejt, issa jidher li l-politika nazzjonali dwar l-enerġija se tkun iffokata fuq enerġija nadifa u li ma tniġġiżx, li biha għandna għax nifhmu enerġija alternattiva u sostenibbli. U dan għal raġunijiet biex jitnaqqas it-tniġġis li qed jikkawża globalment it-tibdil fil-klima. 

B’dan il-pass, Malta se tkompli tersaq lejn il-miri tagħha ambjentali tagħha sas-sena 2050 kif iffissati mill-Unjoni Ewropea. Filwaqt li nifhmu d-diffikultajiet u l-isfidi li jista’ jaffaċċja pajjiżna speċjalment bi rdieden tar-riħ fuq il-baħar, madankollu dan jixhed il-kuraġġ tal-Gvern li f’dan il-qasam jinsab miexi mill-kliem għall-fatti u qed jara s-siwi li għandhom proġetti bħal dawn għall-komunità b’mod inġenerali.

Nemmnu għalhekk li b’dawn il-proġetti, li jinħtieġu finanzjament qawwi, jistgħu jiftħu opportunitajiet kbar għal pajjiżna u permezz tagħhom pajjiżna se jimxi għall-pass li jmiss fis-settur kruċjali tal-enerġija. 

Għandna għax nifhmu li l-għan aħħari ta’ dawn il-proġetti se jibqa’ dak li jkollna aktar arja nadifa, li ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin kif ukoll li jinħolqu aktar opportunitajiet ġodda ambjentali fl-ekonomija l-ħadra u l-ekonomija marittima. 

Nemmnu li dan kollu jawgura tajjeb kemm għall-ekonomija ta’ pajjiżna kif ukoll biex tinħoloq prosperità ġdida fir-reġjun tal-Mediterran. 

Ekonomija

Sport