Id-dilemma dwar x’għandha tkun il-politika tal-pajjiż dwar l-isports mhijiex tal-lum. Ilha hemm. X’għandu jagħmel l-istat? Jippromwovi parteċipazzjoni “popolari” fl-isport miċ-ċittadini, b’inizjattiva li ma toħloqx kampjuni, imma tħeġġeġ attività sportiva fost il-“massa” u b’hekk toħloq il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tittejjeb is-saħħa tal-poplu? Jew jikkonċentra fuq appoġġ lil individwi u għaqdiet li jidħlu għall-kompetizzjonijiet sportivi internazzjonali?
Mhiex ħaġa faċli tiddeċiedi għażla bħal din. Minn naħa, waħda tiftaħ il-perspettiva ta’ titjib fil-qagħda fiżika tal-poplu, li bilfors se jkollha ħafna konsegwenzi pożittivi. L-oħra tagħti spinta ’l quddiem lis-sens ta’ kburija nazzjonali jekk u meta individwi jew gruppi sportivi Maltin jiksbu riżultati sodisfaċenti barra.
Sal-lum did-dilemma għadha ma ġietx maħlula peress li tista’ tgħid il-gvernijiet kollha pprovaw jilħqu ż-żewġ miri b’budgets inadegwati.
IR-RUSSJA FL-UKRAJNA
Fil-mument li qed nkteb dan, diffiċli wieħed jifhem l-aħbarijiet li kienu qed jiċċirkolaw dwar kif intlaħaq “ftehim” fuq parti sostanzjali ta’ kif jista’ jitwaqqaf il-ġlied fil-gwerra li r-Russja fetħet kontra l-Ukrajna. Issemma kif il-ftehim ikopri 90 fil-mija – ftit anqas jew aktar – mill-kwistjonijiet li nqalgħu.
Biss jek fhimt tajjeb, fid-diskussjonijiet involuti ħadu sehem l-Ukrajna u l-President Amerikan, bil-potenzi Ewropej jittawlu minn wara l-kantuniera u r-Russja tistenna biex tisma’ x’inhu li se jiġi propost. Dak kollu li jistgħu jaqblu bejniethom, ikun għadu jrid jiġi diskuss mar-Russi. Imma minkejja t-telf sostanzjali ta’ suldati li dawn ġarrbu, mid-dehra huma jinsabu militarment minn fuq. Għandhom kull inċentiv biex jinsistu li dak kollu li qed jiġġieldu għalih, jeħduh. Aktar u aktar għax jafu li l-Istati Uniti m’għadhomx isostnu “mija fil-mija” lill-Ukrajna.
Wara li fil-bidu tal-kwistjoni kollha, l-Istati Uniti u l-Eworpej ma taw l-ebda kaz ta’ x’kienu d-dwejjaq tar-Russi dwar l-Ukrajna, jidher li issa r-Russja qed tilgħab l-istess logħba tagħhom.
L-AMBJENT FIL-POLITIKA
Jekk issegwi xinhuma jgħidu l-aqwa awtoritajiet tal-gvern u tal-oppożizzjoni, tieħu l-impressjoni li fl-aħħar, il-ħarsien tal-ambjent naturali u storiku tal-pajjiż sar l-aqwa mira tal-partiti politiċi. Analiżi tal-istħarriġ tal-opinjoni li jiġi pubblikat juri li b’mod jew ieħor, kwistjonijiet dwar l-ambjent huma/saru inkwiet kbir għaċ-ċittadini, tant li jista’ jwassalhom biex iċaqalqu l-preferenza elettorali tagħhom.
Għadu kmieni wisq biex minn dan wieħed jikkonkludi li t-tħassib dwar l-ambjent tassew wasal biex iqanqal xi bidla deċiżiva fil-profil politiku tal-pajjiż. L-ewwel nett għax fir-realtà, sa issa kunsiderazzjonijiet dwar l-ambjent qatt ma kellhom xi impatt aħħari fuq il-vot taċ-ċittadini. U t-tieni – forsi dan l-aktar fattur importanti – quddiem kwistjonijiet ambjentali, minkejja r-retorika li nisimgħu, ż-żewġ partiti jidhru lesti li jiġbdu l-istess ħabel.



