Kif mistenni, il-Budget għas-sena 2026 kien wieħed li kkonferma t-tijib ekonomiku li qed jinżamm b’mod konsistenti waqt li baqa’ jsostni r-rankatura ħalli jżomm mal-miri dwar id-deficit finanzjarju kif issettjati mir-regoli taż-żona tal-ewro.
Waqt li d-deficit se jkompli jitnaqqas, il-Gvern sab biżżejjed spazju fiskali biex isaħħaħ u jżid fil-benefiċċji soċjali u ċerti inċentivi lin-negozji. Għamel dan b’mod intelliġenti billi indirizza l-oqsma li l-aktar qegħdin jidhru li jinħtieġu appoġġ – familji bi tfal, żgħażagħ li qegħdin ifittxu akkomodazzjoni, pensjonanti. Ir-ritmu ta’ proġetti kbar li jinsabu għaddejja f’partijiet tal-infrastruttura se jinżamm u reġa’ ssaħħaħ l-impenn għall-binja diġitali li mis-settur ekonomiku trid tibqa’ tinfirex lejn is-setturi kollha tal-ħajja fil-pajjiż. F’dan naħseb li qed jittieħdu prekawzjonijiet biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura (dejjem jistgħu jissaħħu aktar).
“Il-kalkoli elettorali mhumiex se jkunu nieqsa”
Politikament, huwa budget li ma jistax ma jintlaqax tajjeb għax waqt li żamm mal-wegħdiet tiegħu, il-Gvern qed jieħu ħsieb biex is-saffi kollha tas-soċjetà jħossu li għandhom parti mit-titjib ekonomiku u finanzjarju li sar u baqa’ jsir. Bla dubju l-Gvern jistenna mbagħad li dan jissarraf f’approvazzjoni elettorali aqwa u żgur li fil-kummenti u r-reazzjonijiet favur u kontra li se nisimgħu, il-kalkoli elettorali mhumiex se jkunu nieqsa.
Biss imqabbel mal-andament ta’ dibattiti politiċi li għaddejjin f’inħawi oħra tal-Ewropa dwar il-baġits nazzjonali (pereżempju fi Franza) hija ħaġa ċara li dan l-aspett f’Malta ftit se jqajjem kontroversji akuti. Għax kif mistenni wkoll, iż-żieda fit-tassazzjoni kienet minima, bl-eċċezzjoni tat-taxxa fuq it-turisti, li wara kollox ma jivvotawx u għadhom qed jaslu f’numri record… (għalkemm l-iskejjel tal-Ingliż għal studenti barranin ilmentaw minn din il-miżura).
Madankollu ta’ min iqajjem xi punti ta’ riżerva. Hija ħaġa dubjuża kemm iż-żieda fl-appoġġ lill-familji bi tfal se jkollha xi impatt serju fuq il-problema tan-nuqqas ta’ twelid fostna. Għad jonqosna ħsieb ċar dwar l-iżviluppi mixtieqa u meħtieġa fil-qasam tat-trasport u t-traffiku. Il-gvern jeħtieġlu jkun aktar konkret dwar il-pjani tiegħu għall-investimenti tal-futur: mhux biżżejjed li nissettjaw il-miri għas-sena 2050 jekk imbagħad il-passi li se jwasslu lejhom minn issa jibqgħu fl-arja.
Kollox ma’ kollox, il-baġit għas-sena 2026 ikompli fir-rekord ta’ leġislatura li matulha, minkejja t-taqlib ġej minn barra (l-effetti ta’ wara l-pandemija tal-Covid; il-gwerra tal-Ukrajna; it-tisħin tal-klima; u l-bidliet fil-politika Amerikana tal-amministrazzjoni Trump), il-Gvern Laburista għal sena wara l-oħra irreġistra riżultati ekonomiċi u finanzjarji ammirevoli.

