Politiku prominenti Russu li kien ikkritika l-gwerra fl-Ukrajna u ddeskrivieha bħala “terrur” instab mejjet misterjożament. Il-politiku, Pavel Antov, li kien deputat reġjonali kien fl-Indja biex jiċċelebra għeluq is-66 sena tiegħu meta nstab mejjet nhar is-Sibt.
Il-gwida Indjana tiegħu ħaditu malajr l-isptar iżda aktar tard huwa ġie ddikjarat mejjet minn tabib fl-isptar. Il-Konslu Ġenerali Russu qal li Pavel “waqa’” minn tieqa ta’ lukanda f’Rayagada, l-Istat ta’ Odisha.
Pavel Antov, multimiljunarju, kien parti mill-partit ewlieni favur Putin, ir-Russja Magħquda. Ħabib tiegħu, Vladimir Budanov ta’ 61 sena, kien miet “minn attakk tal-qalb” jumejn biss qabel. Dan wassal lill-awtoritajiet Indjani biex jinvestigaw jekk Antov qabiżx mit-tieqa minħabba li kien imdejjaq bit-telfa ta’ sieħbu.
Huwa kien tkellem ukoll kontra l-gwerra fl-Ukrajna f’Ġunju wara li Moska bdiet l-attakki mill-ajru fuq Kyiv.
Waqt li kien qed jirreferi għall-attakki bil-missili Russi, Antov kien stqarr li “Tfajla nħarġet minn taħt it-terrapien filwaqt li missier it-tifla miet. L-omm qed tipprova tinġibed ‘il barra bi krejn billi hija maqbuda taħt ċangatura. Biex ngħid il-verità, huwa estremament diffiċli li din issejjaħ xi ħaġa oħra għajr terrur.”
Iżda malajr irtira l-kumment u ħareġ apoloġija, u saħaq li kien “Dejjem appoġġja lill-president” u “sinċerament” appoġġja l-għanijiet tal-operazzjoni militari ta’ Putin.
Pavel Antov kien miżżewweġ u missier ta’ tifla. Huwa kien l-aktar leġiżlatur għani tar-Russja. Fl-2019 il-qligħ annwali ddikjarat tiegħu kien elenkat bħala £ 130 miljun f’analiżi minn Forbes Russia.