Tuesday, May 14, 2024

Sitt xhur ħabs wara li pprova jsiefer b’passaport li ma kienx tiegħu

Aqra wkoll

Albaniż kien ikkundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta li pprova jsiefer lejn Dublin b’passaport li ma kienx tiegħu.

Jurgen Quku ta’ 23 sena kien arrestat it-Tlieta li għadda fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta wara li nstab b’dokument maħruġ f’isem ħaddieħor.

Fil-fatt irriżulta li l-passaport kien irrappurtat misruq u kien jappartjeni lil persuna ta’ nazzjonalità Olandiża. Minn aktar stħarriġ li għamlu l-Pulizija rriżulta li l-imputat kien xtara dan id-dokument wara li rah riklamat fuq profil ta’ TikTok. Fil-Qorti ntqal li dan il-profil illum m’għadux jeżisti.

L-Ispettur Christian Abela, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega lill-Maġistrat Joseph Mifsud kif l-imputat kien telaq mill-Albanija u qasam lejn il-Greċja bil-mixi. Minn hemm imbagħad qabad titjira lejn Malta.

L-imputat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu, u kien ikkundannat sitt xhur priġunerija, bil-Qorti tordna li hekk kif jiskonta s-sentenza jintbagħat lura pajjiżu.

L-Avukat Mark Mifsud Cutajar deher għal Quku.

Sport