Il-BOV Challenge League 2022/23 se tintlagħab fuq żewġ fażijiet hekk kif 18-il team se jkunu qed jieħdu sehem dan l-istaġun
Għall-istaġun 2022/23, se jkun hemm 18-il club fiċ-Challenge League. It-timijiet ġodda fiċ-Challenge League huma Sliema Wanderers, li ġew relegati mill-Premier League, iċ-Champions tan-National Amateur League Zurrieq u r-runners-up Attard, li rebħu Sezzjonijiet B u A rispettivament; Marsaskala li rebħu l-Promotion Decider u Mtarfa li rebħu l-Promotion Play-Offs.
Vittoriosa Stars, li kienu l-aħħar team li ġew relegati minn Grupp A l-istaġun li għadda, żammew posthom fil-kampjonat wara d-deċiżjoni ta’ Pembroke Athleta li japplikaw għal-liċenzja ta’ Amateurs u li għalhekk se jilagħbu fin-National Amateur League.
It-18-il team se jkunu qed jilagħbu fuq bażi ta’ kampjonat b’round wieħed fl-ewwel fażi. Fit-tieni fażi, l-aqwa sitt timijiet se jkunu qed jilagħbu fuq żewġ rounds filwaqt li t-12 l-oħra se jkunu qed jilagħbu fuq round wieħed.
Fl-aħħar tat-tieni fażi,
(a) il-clubs li jtemmu fl-ewwel u fit-tieni post għandhom jiġu promossi għall-Premier League bit-team li jkun fl-ewwel post jiġi ddikjarat iċ-Champion tal-Challenge League;
(b) il-club li jtemm fit-tielet post għandu jipparteċipa fil-Play-Out tal-Premier League;
(c) is-sitt timijiet tal-aħħar għandhom jiġu relegati fin-National Amateur League.
Il-poloz ittellgħu mid-Direttur tal-Football Operations tal-Malta FA Stephen Azzopardi nhar it-Tnejn fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Malta FA.
L-ewwel ġurnata se tkun qed tintlagħab kif ġej:
Naxxar L. v Sliema W.
Swieqi U. v Zurrieq
Marsa v Vittoriosa S.
Lija A. v Tarxien R.
Qrendi v St Andrews
Melita v Marsaskala
Zejtun C. v Attard
San Ġwann v Mtarfa
Mqabba v Fgura U.