Monday, December 23, 2024

Poloz tat-Tazza tad-Dinja: Is-seba’ rebbieħa tal-passat kollha għandhom jikkwalifikaw

Aqra wkoll

Il-bieraħ f’Doha ġew imtellgħin il-poloz tal-finali tat-Tazza tad-Dinja 2022 li se ssir fil-Qatar fl-aħħar xahrejn tas-sena, eżattament mill-21 ta’ Novembru sat-18 ta’ Diċembru.

Iċ-ċerimonja tat-tluq tal-poloz kienet immexxija mill-eks player tal-Ingilterra, Jermain Jenas, waqt li eks-players u eks-coaches ta’ profil għoli li ħadu sehem fil-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-passat, kienu l-protagonisti biex itellgħu l-boċċi minn erba’ Pots. 

Ħarsa fuq fuq lejn it-tmien gruppi naraw li f’sitta mit-tmienja hemm rebbieħ tal-passat – f’wieħed minn­hom hemm tnejn –  u huma kol­lha jinsabu biċ-ċans li jinnegozjaw triqithom mill-gruppi rispettivi u jgħaddu għar-round tal-Aħħar 16.

L-organizzaturi l-Qatar se jkunu nvoluti fil-logħba tal-ftuħ kontra l-Ekwador, li spiċċaw fir-raba’post fiż- żona tal-Amerika t’Isfel.

Magħhom hemm ukoll l-Olanda u s-Senegal fejn l-Oranġjo m’għandhomx ma jkunux wieħed mit-timi­jiet li jkomplu javvanza bil-post l-ieħer jista’ jiġi mill-Ekwador jew mis-Senegal għalkemm tal-ewwel jidhru iktar favoriti minnhom.

Fi Grupp B hemm ir-rebbieħa f’ok­każjoni waħda, eżattament fl-1966, l-Ingilterra, li ma jidhirx li m’għandhomx ma jkomplux għaddejjin.

Magħhom hemm ukoll l-Iran u l-Istati Uniti bit-team l-ieħor ikun magħruf f’Ġunju meta jintlagħab il-play-off bejn Wales, l-Iskozja u l-Ukrajna.

L-Ingilterra u l-Iskozja qatt ma ltaqgħu fil-finali Mondjali waqt li Wales kienu kkwalifikaw darba, eżattament fl-1958 fejn ġew eliminati 1-0 mill-Brażil bil-goal jiġi minn ħadd għajr il-leġġendarju Pele meta kellu 17-il sena u spiċċa wieħed mill-istilel tat-tournament.

L-Ingliżi kienu ltaqgħu kontra l-Amerikani fl-1950 b’dawn joħolqu waħda mill-ikbar sorpriżi li qatt seħħet fit-Tazza tad-Dinja meta kie­nu ħarġu rebbieħa 1-0.

L-Ingliżi se jibdew il-kampanja tagħhom fl-ewwel ġurnata wkoll meta jiltaqgħu kontra l-Iran.

Ir-rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja darbtejn, fl-1978 u fl-1986, l-Arġentina telgħu fi Grupp C flimkien mal-Arabja Sawdija, il-Messiku u l-Polonja, fejn il-Bluceleste huma l-favoriti netti li jirbħu l-grupp waqt li t-team li jingħaqad magħhom għandu jiġi mill-Messiku jew il- Polonja.

Iċ-Champions tad-Dinja renjanti, Franza, għandhom magħhom lir-rebbieħ li għad irid ikun magħruf bejn l-Emirati Għarab Magħquda, l-Awstralja u l-Perú,  id-Danimarka u t-Tuneżija.

Hawnhekk it-team ta’ Didier Deschamps m’għandux ifalli l-Aħħar 16 bit-team l-ieħor jista’ ikun id-Danimarka li fil-Euro 2020 kienu waslu sas-semi-finali.

L-aqwa seeds ta’ Grupp E, Spanja, rebbieħa tat-Tazza fl-2010 fl-Afrika t’Isfel, għandhom magħhom lir-rebbieħa bħalhom il-Ġermanja meta magħhom hemm ukoll Costa Rica jew New Zealand u l-Ġappun.

Il-Ġermanja rebħu t-tazza erba’ darbiet u waslu bosta drabi oħra sal-finali li jfisser li huma wieħed mit-timijiet li l-iktar kiseb suċċess fit-tournament.

Żewġ timijiet Ewropej oħra li telgħu fl-istess grupp, eżattament dak F huma l-Belġju u l-Kroazja, tal-ewwel kienu spiċċaw fit-tielet post fl-aħħar edizzjoni fir-Russja 2018 waqt li l-Kroazja kienu waslu sal-finali iżda kellhom ibaxxu rashom kontra Franza li għebuhom 4-2.

Il-Brażil, li rritornaw fil-post numru wieħed fir-rankings mondjali tal-FIFA nhar il-Ħamis li għadda, jinsabu fi Grupp G mas-Serbja, l-Isvizzera u l-Kame­run u hawnhekk wieħed miż-żewġ timijiet Ewropej għandu jingħaqad magħhom fir-round tan-knock-out.

Il-Kamerun, m’għad­homx il-forza li kienu qabel u għalhekk iċ-ċansi­jiet li jgħaddu huma remoti.

Finalment fl-aħħar grupp, dak H, li huwa msawwar minn timi­jiet minn erba’ kontinenti, jinkludi lill-Portugall, il-Ghana, ir-rebbieħa tat-tazza darbtejn, l-Urugwaj u l-Korea t’Isfel.

Hawnhekk jidher li l-Portugiżi ta’ Cristiano Ronaldo u l-Urugwaj ta’ Luis Suarez, m’għandhomx jkol­lhom wisq problemi biex jkomplu javvanzaw.

Ekonomija

Sport