Monday, May 20, 2024

Teknoloġija li se tagħmlilna ħajjitna aktar faċli… pillola fil-ġimgħa minflok waħda kuljum

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-industrija tal-farmaċewtika u pazjenti fuq mediċini ta’ kuljum għandhom tama ġdida f’teknoloġija li ġiet vvintata riċentement li biha kapsula waħda tkopri dożi għal ġimgħa jew anke xahar sħiħ. Il-mediċini ta’ kuljum jistgħu jsiru xi ħaġa tal-passat hekk kif riċerkaturi jaħsbu li sabu l-mod kif jibdlu għall-aħjar ħajjet in-nies b’kundizzjonijiet tas-saħħa, fosthom skizzofrenija, li jirrikjedu kura kontinwa.

L-aħbar imħabbra mill-ġurnal “Guardian” titkellem dwar metodu ġdid li ġie żviluppat għal tip ġdid ta’ pillola kontraċettiva. Il-kapsula, li fil-fażijiet inizjali ġiet ittestjata fuq il-ħnieżer, tinħall fl-istonku u tiftaħ sitt strutturi li minnhom jgħaddu ormoni sintetiċi fuq perjodu ta’ tliet ġimgħat qabel ma titkisser u tintrema’ b’mod naturali mill-ġisem.

Lyndra, il-kumpanija li qiegħda tiżviluppa din it-teknoloġija l-ġdida ffinanzjata mill-Fondazzjoni ta’ Bill u Melinda Gates, qiegħda tippjana li tibda l-ewwel fażi ta’ testijiet fuq il-bniedem għall-aħħar ta’ din is-sena. Din it-teknoloġija se tkun użata wkoll fuq firxa aktar wiesgħa ta’ mediċini fosthom “Ivermectin” ta’ kontra l-malarja.

Il-kumpanija ħabbret li l-pillola ta’ darba f’ġimgħa li fiha “risperidone”, komponent użat għal persuni li jbatu bl-iskizzofrenija u għal dawk bid-diżordni bi polari, se tibda bl-ittestjar fil-laboratorji din is-sena. Hija mistennija li tkun quddiem il-Federazzjoni għall-Kontroll tal-Mediċini u l-Ikel Amerikana (FDA) sal-aħħar tas-sena d-dieħla bit-tama li tkun approvata sal-aħħar tal-2024.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Lyndra, Trish Hunter, qalet li, “it-tnaqqis fil-frekwenza ta’ ċertu pilloli jistgħu jkunu ta’ benefiċċju fiżiku u ekonomiku. B’mod speċifiku, fil-każ tal-iskizzofrenija, il-konsistenza hija importanti għal riżultati tajbin fil-kura tal-pazjent. Meta l-pazjenti ma jkunux stabbli fit-tehid tal-mediċini tagħhom ikollhom konsegwenzi fuq saħħithomm tant li f’xi każijiet ikun hemm bżonn ta’ rikoveru fl-isptar”.

Barra li din it-tip ta’ pillola tnaqqas ir-riskju li wieħed jinsa jieħdu d-doża kwotidjana, it-teknoloġija li fiha tagħti lok għal dożi dejjem l-istess li jidħlu fis-sistema fuq perjodu stabbilit ta’ żmien. Hurter spejgat li fil-każ ta’ pilloli li jittieħdu ta’ kuljum, il-livell tad-droga fil-ġisem jogħlew b’mod speċjali filgħodu fejn jistgħu jikkawżaw effetti negattivi mentri fi tmiem il-ġurnata din tnaqqas mill-qawwa tagħha b’ċans li tonqos l-effettività.

Sport