Friday, December 13, 2024

PONT JGĦAQQAD FLOK SUR JIFRED

Aqra wkoll

Fejn ninsabu f’nofs il-Mediterran, aħna l-iżjed pajjiż Ewropew eqreb lejn l-Afrika. Aħna ninsabu fuq il-fruntiera bejn l-Ewropa u l-Afrika. Pajjiżi bħalna f’reġjuni ta’ kulturi differenti jiżviluppaw b’żewġ modi mal-pajjiżi ta’ madwarhom: daqqa jkunu pont li jgħaqqad u daqqa jkunu sur li jifred biex  ma jħallix invażjonijiet ta’ għedewwa jidħlu.

Matul is-sekli aħna servejna tat-tnejn. Spiss minn pajjiżna saru attakki fuq pajjiżi oħra fi gwerer fl-inħawi. Ġieli ġejna attakkati u mirbuħa biex ma jirbaħniex ħaddiehor. Illum li għandna t-tmexxija ta’ pajjiżna f’idejna bħala poplu, irridu naraw ukoll x’inhi l-iżjed għall-ġid tal-poplu tagħna: li nkunu ma’ xi blokk ta’ pajjiżi kontra blokk ieħor, kif konna meta konna kolonja f’idejn xi imperu? Jew jaqblilna li ma nkunu ta’ theddida għall-ebda blokk ta’ pajjiżi?

Aħna nemmnu fid-demokrazija, fid-drittijiet tal-bniedem, fid-dritt li pajjiż imexxi lilu nnifsu u l-ebda pajjiż kbir m’għandu jisfurzah kif imexxi u nemmnu li pajjiżi ġirien jistgħu jieħdu ħsieb is-sigurta` tagħhom bla ma jheddu s-sigurta` ta’ xulxin.

Fl-interess tagħna li nkunu pont li jgħaqqad u kull fejn nistghu nitkellmu favur il-paċi, is-sigurta`, il-ħelsien nazzjonali, il-koperazzjoni internazzjonali. Jagħmel sens għalina ma nerġgħux insiru xi bażi militari kontra xi pajjiż ieħor.

Fl-interess tagħna li nkunu ħbieb mal-akbar numru possibbli ta’ pajjiżi fid-dinja.

Fejn ninsabu fil-Mediterran, reġjun ta’ kulturi, ilsna, reliġjonijiet differenti, għandna niżviluppaw lilna nfusna iżjed u iżjed f’post fejn nilqgħu d-diversita` fostna u nkunu post fejn pajjiżi, kulturi u reliġjonijiet differenti jistgħu jiltaqgħu u jitkellmu ma’ xulxin biex nitgħallmu ngħixuh flimkien u ngħinu lil xulxin fil-problemi dinjin li lkoll niffaċċjaw u li l-ebda pajjiż waħdu, jew grupp waħdu ta’ pajjiżi ma jista’ jsolvi.

Hbieb tal-Għarab u l-Iżlam

Il-Malti huwa l-uniku lsien semitiku li jinkiteb bl-alfabett Latin. Meta niltaqgħu ma’ nies li jitkellmu bl-Għarbi nsibu li għandna kliem jixxiebaħ ħafna. “Fuul”, “kahk”, “ma’ allim”, u “Mulid”. Ful, kagħak, mgħallem u Milied.  Erba’ kelmiet li ltqajt magħhom fil-kitbiet ta’ l-Eġizzjan Naguib Mahfouz (Premju Nobel tal-Letteratura 1988) li qed naqra bħalissa. 

Kittieb brillanti. Ħasra li ma nafx l-Għarbi u jkolli naqrah bl-Ingliż. Kieku naf l-Għarbi nifhem ħafna u ħafna aħjar id-dinja Għarbija. Nieħu gost ħafna meta niltaqa’ mal-Għarab noqogħdu nitkellmu dwar l-ilsna tagħna u ngħidu kliem lil xulxin biex naraw kemm nifhmu lil xulxin. Inħoss li aħna l-Maltin għadna preġudikati kontra l-Għarab u l-Iżlam. 

Minkejja li l-ilsien Malti għandu ħafna mill-Għarbi u minkejja li aħna l-Maltin għamilna sekli Misilmin. Għandna ċittadini Misilmin li huma Maltin bħalna u għandhom ikunu stmati daqsna.  Kif għandna naraw li jiġu stmati daqsna l-eluf li għandna fostna minn pajjiżi differenti. Mhux faċli tħaddan id-diversita`. It-taħlit u d-diversita’ jġibu tensjoni u skumdita’, iżjed u iżjed f’pajjiż żgħir u ffullat bhal tagħna.  Imma rridu nsibu kif nitgħallmu ngħixu flimkien waqt li nifhmu li hemm limitu kemm se nkomplu niffullaw dawn il-blatiet li ngħixu fuqhom. 

Għandna identita’ u lsien imħawra sew b’taħlit ma’ nies u l-kulturi u ilsna tagħhom minn kull naħħa tal-Mediterran u lil hinn minnu. Pajjiż li ma jaċċettax it-taħlit kollu ta’ sekli sħaħ ma’ nies oħra, anki meta l-esperjenza kienet iebsa, ifaqqar lilu nnifsu. Il-wirt kulturali tagħna ġej minn eluf ta’ snin u l-identita’ tagħna baqgħet tiżviluppa u tinbidel kif se tkompli tiżviluppa u tinbidel u jagħmilna kapaċi nbaħħru aħjar fis-seklu 21.

Ekonomija

Sport