Friday, April 19, 2024

POPLU B’QALB TAD-DEHEB

Aqra wkoll

F’dawn il-ġranet ta’ festi, inħossni kburi li f’pajjiżna għadha tirrenja s-sens ta’ solidarjetà u l-imħabba lejn xulxin. Dan huwa żmien sabiħ fejn ningħaqdu flimkien mal-familjari u ħbieb u niċċelebraw il-Milied u l-Ewwel tas-Sena billi norganizzaw xi ikla jew festin. Ir-rigali ma jonqsux speċjalment għat-tfal. Ilkoll naħsbu biex dawn iż-żminijiet ikunu speċjali u nagħmlu minn kollox biex ikollna kollox l-aħjar. 

Madankollu, mhux kulħadd jista’ jgawdi dawn il-mumenti sbieħ. Iċ-ċirkustanzi tal-ħajja f’ċertu okkażjonijiet jafu jkunu kefrin ma’ xi wħud. Il-mard jaf jiġi fuq kulħadd u hemm każi fejn il-familja jkollha tbati f’dak il-perjodu. Il-faqar għadu magħna u mhux kulħadd għandu livell ta’ ħajja diċenti. Minkejja li hawn ħafna għajnuniet u skemi li jgħinu f’dawn il-każi xorta waħda jifdal min ikun qiegħed ibati. 

Dan iż-żmien jaf ikun iebes ferm għal dawn għaliex filwaqt li ħaddieħor ikun qiegħed igawdi, huma jħossuhom emarġinati u maqtugħin mill-bqija. Però, hawn Malta ffortunati li għandna valuri sodi u nafu nħennu lejn dawn in-nies. F’dan iż-żmien jiġu organizzati diversi maratoni ta’ ġbir ta’ fondi u l-Maltin u l-Għawdxin jikkonkorru bi ħġarhom. Dawn il-maratoni kollha jispiċċaw suċċess b’somma kbira miġbura li tmur għal għan nobbli. Dawn il-flus imbaghad jintefqu biex itaffu mit-tbatija li semmejt qabel. 

Is-sena 2021, li kienet waħda partikolari minħabba l-pandemija, ma xekklitx li dawn il-maratoni jsiru u r-riżultat kien sabiħ ukoll. Bħal donnu l-Maltin anke jekk ikunu għaddejjin minn diffikultà ma jonqsux milli jgħinu lil ħaddieħor. Dan huwa proprju l-ispirtu tal-Milied. Dan huwa l-valur tas-solidarjetà li aħna nħaddnu. Dan huwa li jagħmilna Maltin. 

Aħna kburin b’pajjiżna u ngħatu s-sapport lil xulxin. Dan is-sens ċiviku għandna nibqgħu nħaddnuh u ngħadduh lil uliedna għax jagħmilna poplu b’ġenerożità kbira u b’qalb tad-deheb. 

Ministeru għall-Edukazzjoni u Sports 

Din il-ġimgħa lqajt b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru Robert Abela meta eleva l-isports mis-Segretarjat għal Ministeru. Irrid nifraħ lil Hon. Clifton Grima li ġie assenjat lilu dan l-inkarigu flimkien mal-edukazzjoni. Persważ li se jkun qiegħed jagħmel biċċa xogħol tajba. Jien li ħdimt miegħu fil-qasam sportiv naf li għandu tim tajjeb biex iwettaq il-funzjoni tiegħu. 

Jien kuntent bil-ħidma li qiegħed iwettaq dan il-Gvern fl-isports. F’dawn l-aħħar snin investejna somom kbar ta’ ewro sabiex ikollna l-aqwa faċilitajiet tal-ogħla livell. Dawn il-binjiet se jgħinu ħafna biex l-atleti tagħna jkollhom l-aqwa postijiet fejn jitħarrġu u jtejbu l-ħiliet tagħhom. Globalment, fil-qasam sportiv, sar ħafna avvanz u Malta rridu nżommu l-pass ukoll, anke jekk fil-limitazzjonijiet tagħna. Għalhekk bħala bażi, imbarkajna fuq diversi proġetti biex l-atleti jmorru jitħarrġu f’postijiet mgħammra b’kollox mingħajr limitazzjonijiet. 

Iktar minn hekk imbagħad, dawn l-istess faċilitajiet, se jkunu qed jattiraw timijiet barranin li jiġu hawn Malta għal training camp jew saħansitra biex jieħdu sehem f’kompetizzjonijiet internazzjonali. Iva, Malta qiegħda tħares li tkun tista’ tospita kompetizzjonijiet internazzjonali ġewwa pajjiżna. Dan jgħin ħafna biex jitjieb il-livell fl-isports. B’dan il-mod ukoll tibda tinbidel il-mentalità li l-atleti tagħna jistgħu jmorru jitħarrġu barra l-pajjiz. 

Inħares ’il quddiem biex nara l-pitch tal-waterpolo f’Għawdex ikun komplut, it-trakka tal-karozzi, l-avveniment tal-Ispecial Olimpics f’Malta, u l-grawnd ta’ Kordin bl-aħħar teknoloġija ta’ terf artificjali. Ninsabu mexjin fit- triq it-tajba u fil-futur qarib, bis-sagrifiċċji tal-atleti u l-clubs, flimkien mal-għajnuna tal-Gvern jista’ jkollna riżultati sbieħ ħafna. 

Irrid nieħu l-okkażjoni wkoll li nifraħ lill-Hon. Julia Farrugia Portelli li ġie assenjat lilha żewġ dekasteri ġodda: iż-żgħażagħ u l-għaqdiet volontarji. Żewġ responsabilitajiet importanti immens li jien ċert li huma għal qalb il-Ministru li dejjem baqgħet viċin in-nies. 

Covid-19 

Din il-pandemija twalet wisq u huwa normali li n-nies jibdew jegħjew. Irridu naffaċċjaw ir-realtà u ngħidu li normali li ċertu nies qed iħossuhom stressjati f’din is-sitwazzjoni. Naf familji li kellhom joqogħdu fi kwarantina għal iktar minn darba u darbtejn. Mhux faċli li jkollok tagħmel erbatax-il ġurnata d-dar mingħajr ma tista’ toħroġ. Speċjalment fi żmien il-festi meta fejn is-soltu niltaqgħu flimkien, hemm eluf ta’ familji li ma setgħux jagħmlu dan. 

Qiegħed nitkellem hekk għax filwaqt li tajjeb li wieħed jagħmel kuraġġ u nitkellmu b’mod pożittiv irridu nifhmu il-problemi li din il-pandemija qed iġġib magħha. Jien li niltaqa’ man-nies kuljum jirrakkontawli l-istorja tagħhom. Familji bit-tfal kellhom jirranġaw id-dar biex jakkomodaw l-uliedhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-online lessons. Oħrajn riedu jixtru apparat elettroniku biex jarmaw uffiċċju żgħir id-dar. Fejn qabel id-dar kienet tintuża filghaxija meta kull membru jirritorna mill-iskola jew xogħol, illum id-dar saret tintuża ferm iktar. 

Bħalissa qed jiġu rreġistrati ħafna każi kuljum li ma konniex imdorrijin bihom qabel. Hekk qiegħed jiġri mad-dinja kollha. L-imxija qed tinfirex b’rata qawwija għalkemm l-ispeċjalisti qed jgħidu li s-sintomi qed ikunu eħfef. Naħseb bħali smajtu b’ħafna teoriji kemm fit-triq u anke fil-midja soċjali. Jien nagħżel li noqgħod fuq l-Awtoritajiet tas-Saħħa. L-appell tagħhom huwa li nieħdu l-vaċċin u minn diġà ħa ż-żewġ dożi jmur jieħu l-booster. Jien ningħaqad magħhom u nappellalkom l-istess. Biex noħorġu minn din il-pandemija l-isforz irid ikun wieħed kollettiv. Kulħadd irid jagħmel il-biċċa tiegħu. 

Illum drajna kif għandna nieħdu ħsieb biex negħlbu dan il-virus. Irridu nilbsu l-maskra, naħslu jdejna u nżommu d-distanza soċjali. Issa li għandna l-vaċċin irridu neħduh ukoll. Nifhem li jkun hawn min hu xettiku imma fis-sitwazzjoni għandna nħallu f’idejn l-esperti u jmexxuna huma. 

Din mhix kwistjoni politika. M’hemmx aħmar jew blu. Din hija sitwazzjoni li laqtet lid-dinja kollha. M’hemmx lok ta’ vantaġġ politiku. Kien għalhekk li din il-ġimgħa rrabjajt nara telgħatli aħbar fuq Facebook mill-midja tal-Partit Nazzjonalista li rrimarkaw li kien hemm kjuwijiet kbar biex in-nies jieħdu l-booster. L-iskop kien li joħolqu rabja lejn kif qed jiġi organizzat it-teħid tal-booster u għax in-nies qed jitħalltu fil-folol. Naħseb, l-onestà titlob, li wieħed kien iġib din l-aħbar biex iħajjar lil dawk xettiċi biex huma wkoll jingħaqdu mal-bqija u jieħdu l-booster. Hekk titlob is-serjetà u dan huwa l-mod kif wieħed għandu jiddiskuti din is-sitwazzjoni. 

’Il bogħod mill-partiġġjaniżmu, aħna lkoll aħwa Maltin u rridu ningħaqdu lkoll biex bħala poplu wieħed noħorġu minn dan iż-żmien diffiċli u ersqu lejn in-normalità li aħna mdorrijin biha. 

Nawguralkom is-sena t-tajba mimlija b’dak kollu li tixtieq qalbkom, aktar saħħa u mħabba. 

Il-Ħadd it-tajjeb. 

Sport