Sunday, December 22, 2024

POPLU LI KAPAĊI JTEJJEB PROPOSTI MAĦSUBIN

Aqra wkoll

Bdejna t-tielet ġimgħa tal-kampanja elettorali. Iż-żewġ partiti issa t-tnejn ppreżentaw numru ta’ proposti f’tentattiv li jipperswadu lin-nies biex jagħżlu lil min se jkun qiegħed imexxihom f’dawn il-ħames snin li ġejjin.

Skont l-aktar stħarriġ riċenti jidher li ftit li xejn kien hemm ċaqliq bejn il-mexxejja tant li hemm fiduċja konsistenti f’Robert Abela.

Iżda dak li jkun jistaqsi minn fejn tista’ tkun ġejja din il-konsistenza? Kif il-poplu jidher li huwa daqstant konvint mill-għażla tiegħu? 

Nemmnu li l-fiduċja ma tiġix mix-xejn. Nemmnu li dak li seħħ fl-aħħar jiem fejn tidħol il-liġi tal-IVF kienet waħda mill-aktar proposti li biha kompla jikkonferma r-ruħ soċjali. F’wieħed mid-diskorsi tiegħu, Abela deher emozzjonat għall-esperjenza ta’ koppja li mingħajr l-intervent tal-istat jista’ jagħti l-każ li tibqa’ twelled trabi li titlef wara ċertu xhur minħabba problema ġenetika. Abela kien ċar “Kif tista’?! Kif tista’ tibqa’ ma tirreaġixxix quddiem il-karba ta’ dawn il-koppji?”

Kien hawnhekk li ħarġet id-differenza bejn iż-żewġ mexxejja tal-partiti l-kbar. Abela ħabbar li wara konsultazzjonijiet, wara li sema’ lil dawn il-koppji li esprimew id-diżappunt u t-trawma li jispiċċaw jgħaddu minna, wiegħed li sa 100 jum minn meta jingħata l-fiduċja, se jkun qiegħed jara li jitressqu l-emendi neċessarji biex finalment jiġu attwati. Naraw mexxej b’direzzjoni. Mexxej li mhux biss iwiegħed, iżda wara l-wegħda għandu l-pjan li jaġixxi fi żmien stipulat biex verament jagħti l-ispalla li hemm bżonn lil dawn il-koppji.

Fuq in-naħa l-oħra sfortuntament kien hemm reazzjoni li weġġgħat lil dawn il-koppji. Anke jekk jista’ jagħti l-każ li ma kinitx intenzjonata li jinħareġ l-appell b’dak il-mod, dak li ntqal juri li min-naħa tal-Oppożizzjoni m’hemmx pjan konkret fejn tidħol din il-liġi. Infatti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista ħass li seta’ jikkonsla lil dawn il-koppji; persuni li jinsabu fi stat ta’ problemi anke saħansitra psikoloġiċi minħabba l-weġgħa li ma jistgħux ikollhom lil min isejħilhom ma u pa, billi jissieħbu biex jgħinu lill-partit immexxi minnu. 

Nemmnu li l-elettorat għandu l-qawwa biex ikun hu l-protagonist fit-tfassil tal-proposti. Għandu jkun l-elettorat bil-vuċi tiegħu li jiġbed l-attenzjoni tal-politiċi li jagħżel hu stess biex imexxuh u jiggwidahom fejn hemm bżonn l-għajnuna biex bħala soċjetà verament inkunu nistgħu ngħidu li qegħdin ngawdu mill-istess opportunitajiet li jwassluna biex ngħollu l-livell tal-għajxien f’soċjetà aktar armonjuża. 

Ekonomija

Sport