Sunday, June 22, 2025

POPULIŻMU

Aqra wkoll

Saret ħaġa normali għal osservaturi politiċi li jfajru l-argument li dan jew dak il-politiku, din jew dik l-istrateġija politika, hu/hi “populista”. Għall-bidu, dan kien jinħass bħala mod kif tiddeskrivi ideoloġija awtoritarja leminija pjuttost estrema. Malajr l-argument beda anke jintuża dwar kif partiti xellugin joperaw.

Biż-żmien bħala deskrizzjoni ta’ xi jkun għaddej, il-kelma tilfet kważi kull tifsira li tagħmel sens. Fil-bidu jekk fhimt tajjeb, saret tindika strateġija demagoġika li tqanqal dubji u diżgwid kontra kulħadd, waqt li tippreżenta fehmiet xejn realistiċi dwar kif tista’ tintlaħaq qagħda aħjar u b’hekk tiġbed lin-nies waqt li tingannhom.

Illum tintuża għal min jinqeda b’retorika qawwija biex iwassal messaġġ politiku. Tilfet kull tifsira vera. Tista’ tintuża bla xkiel biex tfisser kif Napuljun, Bismarck, Mussolini, Hitler, Churchill, Roosevelt, Kennedy, de Gaulle u oħrajn wasslu l-messaġġ tagħhom: tattika retorika li ma tiżvela xejn dwar l-għanijiet veri tagħhom. Xorta waħda, akkademikament, il-“populiżmu” qed jintuża biex jispjegalna kollox!

NEGOZJI TAL-IMNUT

L-istrutturi li bihom il-bejgħ bl-imnut qed isir f’pajjiżna nbidlu b’mod fondamentali kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea. Qabel kollox, bħal ma ġara meta pajjiżi oħra tal-Mediterran saru membru tal-Unjoni, kibru b’mod qawwi fostna il-katini ta’ supermarkets il-kbar Ewropej, fuq quddiem nett, tal-Lidl.

Sadattant, il-ħwienet żgħar immexxija minn “self employed” u l-familja tnaqqru u waslu biex jispiċċaw. Minflokhom daħlu katini ġodda ta’ ħwienet żgħar, bosta minnhom barranin, imma mhux kollha. Inbidlu wkoll is-sigħat ta’ ftuħ tal-ħwienet, anke fil-Ħdud, fil-btajjel, matul tmiem il-ġimgħa kollu. F’ħafna każi, m’għadhomx Maltin li jservu, imma barranin.

Ikun xieraq li dil-bidla tiġi studjata sew…

U CHAMBRAI?

Il-bidla ta’ politika tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni dwar il-futur tal-gżira ta’ Manwel kienet meħtieġa u tajjeb li saret. Malajr żvintaw l-argumenti legalistiċi għaliex dil-bidla ma setgħetx issir.

Il-proġett ta’ Tigne, li minnu dak tal-gżira ta’Manwel jagħmel parti, faqqas flimkien mal-proġett ta’ Chambrai matul is-snin 90 tas-seklu l-ieħor, meta għamel kjass (għalkemm xorta ġie kkontestat) il-proġett ta’ Portomaso. Bħalu setgħu jsiru oħrajn (hekk kien il-ħsieb) biex itejbu l-kwalità tat-turiżmu Malti. B’ħafna sulluzzu, l-proġett ta’ Tigne telaq, bir-riżultati li ta u li kulħadd jaf bihom, ħafna minnhom deplorevoli.

Dak ta’ Chambrai f’Għawdex mill-bidu beda u baqa’ mfattar. Imma xorta waħda, dak li kellu jsir fil-gżira ta’ Manwel, se jibqa jitħaddem f’Chambrai. Dan ma jagħmilx sens, għax mhuwiex koerenti mad-deċiżjoni  li għadha kemm ittieħdet dwar Manwel. Dwar Chambrai ukoll, għax hekk jistħoqqlu Għawdex, daqs il-Gżira, messha tittieħed deċiżjoni simili. Għadu mhux tard wisq!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport