L-Università ta’ Malta pposponiet iċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Madankollu se tkun qed tqassam iċ-ċertifikati tad-degree jew diploma lill-gradwati aktar tard dan ix-xahar.
L-università spjegat li minħabba r-restrizzjonijiet li ddaħħlu fis-seħħ biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19, mhuwiex possibbli li tiġi organizzata ċerimonja għal 3,500 student li se jkunu qed jiggradwaw din is-sena minħabba li dan ikun ifisser li jkunu esklużi l-qraba u l-ħbieb tal-istudenti.
Il-biċċa l-kbira tal-għaqdiet tal-istudenti qalu li jippreferu li ċ-ċerimonja tinżamm aktar tard meta tkun tista’ tiġi organizzata bl-istess mod bħas-snin ta’ qabel.