Sunday, May 19, 2024

Qattus jikkaġuna ġlieda bejn koppja

Aqra wkoll

Ġlieda bejn koppja fuq qattus spiċċat bir-raġel jitressaq fil-Qorti wara li żamm lil martu minn ħalqha.

Il-koppja hija barranija, għandha żewġ itfal u tgħix l-Isla bl-inċident seħħ fit-23 ta’ Settembru 2019.

Mill-provi li tressqu f’dan il-każ irriżulta li l-mara daħħlet qattus li kien jgħix fit-triq biex jgħix mal-familja.

Iż-żewġt itfal bdew jiġġieldu fuq min kellu jilgħab miegħu u meta ġie l-missier mix-xogħol qal lil martu biex titfgħu ‘l barra kemm-il darba t-tfal kienu se jibqgħu jiġġieldu fuqu.

Il-mara ma riditx u fl-argument li nqala’ huwa żammilha ħalqha b’idejh u hija gidmitu.

Hija għamlet rapport l-għassa tal-Pulizija u żewġha kien imressaq fil-Qorti mixli li ħebb għaliha.

Ir-raġel instab ħati u kien immultat €800 mill-Qorti tal-Maġistrati mbagħad appella quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali għalkemm din kienet miċħuda.

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li semgħet l-appell, irrimarkat li l-każijiet ta’ vjolenza domestika qegħdin jiżdiedu u l-Qorti riedet tibgħat messaġġ li dan l-aġir ta’ bbuljar mhux tolleranti.

Kien għalhekk li ikkonfermat il-multa ta’ €800 u ordnatlu biex għal żmien sena ma jdejjaqx lil martu inkella jiġi immultat €2,000 oħra.

Sport