Monday, May 13, 2024

Possibbiltà li l-partita bejn Tottenham u Liverpool terġa’ tintlagħab

Aqra wkoll

Teżisti possibbiltá li l-partita tal-Premier League Ingliż, Tottenham Hotspur v Liverpool, tista’ terġa’ tintlagħab wara li Spurs rebħu b’mod mill-aktar kontroversjali. 

Dan minħabba li  wara s-smigħ tal-konversazzjoni bejn l-uffiċjali tal-VAR u dawk fil-ground, seta’ sar żball tekniku u għaldaqstant m’hemmx triq oħra ħlief li terġa’ tintlagħab. Jekk dan iseħħ, il-partita tintlagħab fi tmiem l-istaġun. 

Minbarra deċiżjonijiet ħżiena waqt dan il-konfront, l-aktar li ġiet diskussa kienet il-goal leġittimu mħassar ta’ Luis Diaz għal offside ineżistenti meta fetaħ l-iskor għal Liverpool meta kienu b’10 players wara li tkeċċa Curtis Jones. 

Fil-veritá, l-attakkant Kolumbjan ta’ Liverpool kien 62 ċentimetru onside u bl-ebda mod ma l-goal tiegħu seta’ ġie annullat. 

Iżda kommunikazzjoni ħażin bejn l-uffiċjali kollha tal-VAR kif ukoll it-terna arbitral, wassal biex il-goal ma ġiex konvalidat. Jidher li dawn l-uffiċjali setgħu kisru r-regoli tal-logħba. 

Ir-regola L18 tistipula li l-Bord tal-Premier League għandu s-setgħa li jordna li partita tal-kampjonat terġa’ tintlagħab sakemm tkun saret rakkomandazzjoni għal dak il-għan minn kummissjoni taħt ir-regola W51.

Barra minn hekk, taħt ir-regola W1, il-Bord tal-Premier League għandu s-setgħa li jistaqsi dwar kwalunkwe ksur suspettat ta’ regoli, inklużi dawk li jsiru minn uffiċjal tal-logħba, filwaqt li r-regola N4 tiżgura li kull uffiċjal tal-logħba jaqbel li jkun marbut bir-regoli u l-liġijiet tal-logħba kif ukoll kwalunkwe protokolli u regoli tal-FA.

Għaldaqstant teżisti wkoll possibbiltà li Liverpool jistgħu jagħmlu pressjoni fuq il-Bord tal-Premier League biex tissejjaħ kummissjoni li jkollha s-setgħa, fost l-oħrajn, li tordna li l-partita terġa’ tintlagħab.

Biex jittella’ każ legali ġenerali barra mir-regolamenti tal-Premier League, il-punt tat-tluq normalment ikollu jkun li tiġi stabbilita rabta kuntrattwali bejn il-club u l-uffiċjali li jkun inkiser jew obbligu ta’ kura u negliġenza li jikkawża telf ta’punti.

Għaldaqstant, f’dan il-każ huma Liverpool biss li jistgħu jivvalutaw l-impatt tad-deċiżjoni. Peró, min-naħa l-oħra jista’  jkun diffiċli li jiġi ppruvat li l-iżball swielhom telf ta’  punti f’sens legali, minħabba x-xenarji infiniti li setgħu seħħew waqt il-partita. 

Għalhekk din il-kwistjoni hija komplessa u se tiġi studjata s-sitwazzjoni bir-reqqa … għalkemm jibqa’ l-fatt li Li­verpool ġew imċaħħda fattwalment minn goal leġittimu li bih fetħu l-iskor li seta’ kkundizzjona l-andament tal-logħba.

Sadanittant, l-appell ta’ Liverpool biex titneħħa l-karta ħamra għall-midfielder Curtis Jones ma ntlaqax biex issa se jiskonta sospensjoni ta’ tliet logħbiet – Brighton (a), Everton (h) u Nottingham Forest (h). 

Sport