Sunday, November 24, 2024

Possibbiltà li Mauricio Pochettino jitkeċċa f’qasir żmien

Aqra wkoll

Mauricio Pochettino talab għal aktar żmien hekk kif qed jitħabat għal soluzzjonijiet għall-kriżi dejjem tikber ta’ Chelsea, fejn wara sitt logħbiet, il-Blues irreġistraw rebħa waħda biss.

Champions Ewropej sentejn ilu biss, Chelsea jinsabu fl-14-il post fil- klassifika tal-Premier League, erba’ punti biss fuq iż-żona tar-relegaz­zjoni.

L-aħħar daqqa ta’ ħarta tagħhom kienet it-telfa ta’ 1-0 kontra Aston Villa nhar il-Ħadd, b’Ollie Watkins jiskorja l-goal rebbieħ wara t-tkeċċija tad-difensur ta’ Chelsea, Malo Gusto.

Is-sena l-oħra, Chelsea ġabru l-iktar għadd baxx ta’ punti fl-era tal-Premier League, iżda għamlu bidu saħansitra aktar ikrah fil-kampanja attwali.

“Agħtuni ż-żmien,” talab Pochettino wara l-partita tal-Ħadd, u ħeġ­ġeġ lis-sidien Amerikani tal-club biex jappoġġjawh.

“Huma (is-sidien) jinsabu diżappuntati, waslu fil-club u huma tant eċċitati li jibnu proġett.

“Naturalment iħossuhom diżappuntati, iżda fl-istess ħin iridu jappoġġjaw il-pjan.”

Iżda kemm se jkunu paċenzjużi s-sidien?

Pochettino ġie kkonfermat bħala l-manager il-ġdid fis-siġġu sħun ta’ Stamford Bridge f’Mejju –  sar it-tielet wieħed permanenti minn meta l-konsorzju ta’ Todd Boehly xtara l-club tal-Punent ta’ Londra mingħand Roman Abramovich fl-2022.

Chelsea faħħru lill-Arġentin bħala “coach rebbieħ, li ħadem fl-ogħla livelli”.

Boehly appoġġja lill-manager tie­għu billi reġa’ nefaq bil-kbir matul is-suq tat-trasferimenti tas-sajf, u ħa n-nefqa ta’ Chelsea fuq players ġodda fi ftit aktar minn sena lil hinn minn £1 biljun.

Iżda r-ritorn fuq l-investiment tagħhom kien ħażin matul perjodu ta’ tgħawwiġ u taqlib ġewwa u barra l-ground.

Chelsea kisbu biss ħames goals fl-ewwel sitt logħbiet tagħhom fil- kampjonat – u tlieta minn dawn waslu fir-rebħa ta’ 3-0 kontra Luton Town li għadhom kif ġew promossi.

Huma naqsu milli jiskorjaw fi 13-il partita tal-Premier League fl-2023 – aktar minn kwalunkwe team ieħor.

Il-frustrat Pochettino tnikket bin-nuqqas ta’ xorti tat-team tiegħu fit-telfa kontra l-Villa, u qal li l-unika ħaġa nieqsa kienu l-goals.

“Irridu nkunu konxji dwar dak li qed jiġri iżda b’xi mod irridu nkunu kalmi għax it-team qed joħloq, it-team huwa ħaj, it-team qed jiġġieled kull azzjoni,” huwa qal.

Pochettino jista’ jipponta lejn lista twila ta’ korrimenti bħala spje­gazzjoni parzjali għall-attakk bla xkiel ta’ Chelsea.

Huwa tilef lill-attakkant ta’ Franza, Christopher Nkunku, minħabba injury gravi f’irkopptu f’partita ta’ ħbiberija ta’ qabel l-istaġun, iżda oħrajn, fosthom Mykhailo Mudryk, Nicolas Jackson, Raheem Sterling u Cole Palmer naqsu milli jagħtu r-riżultati.

L-eks manager ta’ Tottenham u Paris St-Germain, se jkun konxju bi tbatija li Chelsea mhumiex club paċenzjuż – il-kultura ta’ ‘ikri u keċċi’ tal-era Abramovich qed tippersisti taħt it-tmexxija ta’ Boehly.

Chelsea keċċew lil Thomas Tuchel fil-ġimgħat bikrin tal-istaġun li għadda, u Graham Potter sofra l-istess destin f’April, imkeċċi wara inqas minn seba’ xhur fit-tmexxija meta l-club kien fil-11-il post tal-klassifika.

Pochettino saħħaħ ir-reputazzjoni tiegħu matul il-perjodu ta’ ħames snin li huwa għamel ma’ Tottenham, u sussegwentement ħa t-tmexxija ta’ PSG, fejn rebaħ it-titlu ta’ Ligue 1.

Madankollu, huwa naqas milli jilħaq l-għan primarju tal-Pariġini li jirbaħ iċ-Champions League, u ħalla s-CV maniġerjali tiegħu għadu relattivament ħafif fuq il-fidda meta mqabbel ma’ xi wħud mill-kon­tropartijiet tiegħu tal-Premier Lea­gue.

Li jmiss għal Chelsea huma Brighton fil-forma, li l-bieraħ ivvjaġġaw lejn Stamford Bridge għall-partita tat-tielet round tal-League Cup.

Huma mbagħad jiffaċċjaw lir-ri­vali lokali, Fulham, fil-Premier League, bil-logħbiet imminenti kon­tra Arsenal, Tottenham u ċ-champions Manchester City, jiġu wara.

Il-partitarji tal-Villa ferħanin bl- iskumdità tal-manager ta’ Chelsea fi tmiem il-ġimgħa, u kantaw li se jiġi “mkeċċi filgħodu”.

Iżda għad m’hemm l-ebda sinjali li l-ġerarkija tal-club qed tipprepara biex tiġbed il-grillu, iżda jistgħu jħossuhom imġiegħla jaġixxu dalwaqt sakemm ma jkunx hemm titjib drammatiku.

Sport