Grupp ta’ persuni membri tal-kult ta’ Charles Manson kienu werwru lir-residenti kollha ta’ Kalifornja meta vjolentement għamlu serje ta’ omiċidji makabri bl-aktar magħruf dak ta’ attriċi famuża tqila u r-raġel tagħha. Konsegwenza ta’ dan, naqas is-sens ta’ sigurtà fid-djar tant li kienet ġiet irreġistrata żieda qawwija ta’ armi tan-nar u klieb tal-għassa fir-residenzi. Issa, waħda mill-qattiela, Patricia Krenwinkel, li kitbet “mewt għall-ħnieżer” bid-demm ta’ waħda mill-vittmi tagħha stess ġiet approvata parole bl-argument li din irriformat ruħha u ħallset “biżżejjed” għal dak li għamlet.
Din l-aħbar mhiex tinżel sew la mal-qraba tal-vittmi u lanqas ma’ ċittadini oħra Amerikani li min-naħa tagħhom iħossu li persuna li waslet biex toqtol b’dan il-mod, minkejja li xjieħet, xorta waħda tista’ tkun ta’ periklu għas-soċjetà.
Qatlet mara bi tqala ta’ tmien xhur u nofs…
Patricia Krenwinkel illum il-ġurnata hija anzjana ta’ 74 sena. Tul il-50 sena ta’ ħabs hija ġiet miċħuda l-parole għal 14-il darba. Dan wara li ngħatat sentenza ta’ għomor il-ħabs għall-qtil brutali tal-attriċi Sharon Tate, li kellha tmien xhur u nofs tqala u erba’ persuni oħra lura fl-1969.
Krenwinkel kienet waħda mill-membri tal-kult “Manson Family” imwaqqaf u mmexxi minn Charles Manson, raġel kariżmatiku iżda miġnun, li kien jippriedka filosofija perikoluża li tgħaqqad il-Kristjaneżmu, ix-Xjenza (Scientology) u l-prinċipji tal-moviment tal-hippies. Fiż-żmien li ngħaqdet ma’ din il-komunità ta’ segwaċi ta’ Manson, Krenwinkel kellha biss 19-il sena.
Qabel ma’ ħalliet warajha l-ħajja meqjusa minnhom “frivola” tas-soċjetà normali, Krenwinkel kienet impjegata bħala segretarja u kienet tgħix ma’ oħtha. Ħajjitha din it-tfajla dak iż-żmien innoċenti, inqalbet ta’ taħt fuq fis-snin 60 meta waqt festin iltaqgħet ma’ raġel affaxxinanti ta’ 33 sena bl-isem ta’ Charles Manson.
Attakk b’daqqiet ta’ furketta…
Fit-8 ta’ Awissu 1969 jingħad li Manson ordna lill-erba’ dixxipli tiegħu – Susan Atkins, Linda Kasabian, Krenwinkel u Charles “Tex” Watson biex imorru fir-residenza tal-attriċi Tate f’Beverly Hills biex joqtlu lil kull min isibu fiha. F’dan l-att kriminali atroċi nqatlu Tate li kienet fl-aħħar tat-tqala, kif ukoll erba’ persuni oħra li kienu fil-proprjetà f’dak il-lejl tal-biżgħa.
Inqas minn 24 siegħa wara dan il-grupp kriminali, flimkien ma’ Leslie Van Houten u Steve “Clem” Grogan, bi krudeltà liema bħalha ttorturaw, qatlu u qattgħu lill-koppja sinjura Rosemary u Leno LaBianca. Krenwinkel sa waslet biex tat daqqiet ta’ furketta lil LaBianca fl-istonku tagħha u mbagħad bid-demm tal-vittma stess, kitbet fuq il-ħajt il-kliem “Helter Skelter”, “Rise” u “Death to Pigs”.
Manson u l-kompliċi tiegħu kollha nstabu ħatja għal dan it-tixrid ta’ demm għajr għal Kasabian li xehdet kontrihom u ma kinitx involuta direttament fil-qtil imsemmija. Issa, panel ta’ esperti f’Kalifornja rrakkomandaw lil Krenwinkel għal parole u dan wara 50 sena magħluqa fil-ħabs. L-istess talba għall-ħelsien mistennija tiġi riveduta mid-diviżjoni tal-bord legali tal-istat qabel ma din titpoġġa quddiem il-Gvernatur Gavin Newsom. Id-deċiżjoni finali mistennija li tingħata fi żmien ħames xhur oħra.
L-istess gvernatur kien ċaħad talbiet oħra ta’ rakkomandazzjonijiet għall-membri oħra tal-kult ta’ Charles Manson. Dan tal-aħħar miet fl-2017 b’kanċer tal-musrana. Fl-istess sena mill-mewt ta’ Manson, Krenwinkel kienet ġiet miċħuda l-parole imma minn dak iż-żmien ‘l hawn inbidlu l-liġijiet fejn il-panel qiegħed jiġi mitlub jikkonsidra l-fatt li l-imputata għamlet id-delitti meta kienet għadha żgħażugħa u llum il-ġurnata hija priġuniera anzjana.
L-avukat tagħha, Keith Wattley, qal li l-qraba tal-vittmi rribattew l-istess oġġezzjonijiet li kienu għamlu fl-imgħoddi iżda skont huwa Krinwinkel, “irriformat ruħha u hija persuna totalment differenti minn dik li għamlet l-atti kriminali fl-1969… bidla li suppost għandha tiġi kkonsidrata u aċċettata biex toħroġ mill-ħabs fuq parole”.
L-istess avukat għadda kummenti xejn pjaċevoli fejn b’attakk dirett qal li, “nittama li l-gvernatur ma jdawwarx din il-kwistjoni li tirrigwarda ħajja ta’ persuna f’logħba politika. Jekk il-gvernatur iwaqqfilha l-parole, dan jagħmlu mhux għax jibża’ minnha, imma għax ma jniżżilhiex u l-liġi ma tippermettix dawn l-affarijiet”.
Krenwinkel preżentament tinsab miżmuma f’ħabs tan-nisa f’Los Angeles.
L-iżgħar membru tal-kult qattiel ta’ Manson ukoll kellha tingħata l-ħelsien mill-ħabs fl-2019 wara li l-bord tal-parole qies li hija tajba biex terġa’ tintegra fis-soċjetà. Fl-età ta’ 19-il sena, Leslie Van Houten bdiet tiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs għall-involviment tagħha f’omiċidji li saru mill-istess kult.
CHARLES MANSON: Jippriedka l-imħabba u jċarċar id-demm…
Charles Manson twieled f’Cincinnati, Ohio, fl-Istati Uniti fit-12 ta’ Novembru tal-1934 u kien ingħata l-isem ta’ Charles Milles Maddox. Magħruf għall-qtil orribli ta’ diversi persuni li kien ordna lill-membri tal-grupp li kien waqqaf – il-“Mason Family”, huwa nstab ħati fuq disa’ akkużi ta’ qtil u ieħor ta’ konspirazzjoni ta’ qtil.
Oriġinarjament huwa ngħata l-piena tal-mewt iżda din inbidlet għal għomor il-ħabs. Dan baqa’ maqful sakemm fl-2017 miet fiċ-ċella fl-età ta’ 83 sena. Il-vittmi tiegħu diretti kienu żewġ persuni mentri seba’ oħra, fosthom l-attriċi Tate, tilfu ħajjithom ħesrem fuq ordni tiegħu. Barra minnhekk, Manson kien responsabbli għal erba’ inċidenti tan-nar fejn instab li kien huwa li bdiehom.
Manson kien meqjus bħala raġel attraenti u kien iħobb idoqq il-kitarra, jikteb il-lirika tal-kanzunetti u jkanta. Huwa kien iffissa li jrid ta’ bilfors jikseb suċċess fl-industrija tal-mużika u b’din il-mira f’moħħu, tħabbeb ma’ Dennis Wilson tal-grupp “The Beach Boys”.
Dawn tal-aħħar kienu ħarġu kanżunetta miktuba minn Manson bl-isem ta’ “Cease to Exist”. It-titlu wara nbidel f’”Never Learn Not to Love”. Minkejja li din inkitbet minn Mason, ismu ma deher imkien. Aktar tard huwa reġa’ pprova jikseb suċċess fl-industrija iżda dan il-pjan fallielu. Konsegwenza tad-delużjoni kbira li sofra, Mason kien imtela’ b’rabja inkontrollabbli tant li beda jimmaġina ħafna affarijiet fosthom li jikkomunika mal-grupp famuż “The Beatles”.
Skont l-avukat ġenerali ta’ Los Angeles, Manson ħass li beda jingħata messaġġi sigrieti mill-Beatles mil-lirika tal-kanzunetti li kien qegħdin joħorġu. Huwa tant iffissa li beda juża t-terminu “Helter Skelter” għall-gwerra apokalittika razzjali li mingħalih kienet se tfaqqa’ minn ħin għall-ieħor. Fil-fatt, l-istess kliem kien inkiteb fil-post ta’ wieħed mid-delitt tas-segwaċi tiegħu.
Manipulazzjoni perikoluża
Dan ir-raġel huwa xempju ta’ ġenju fil-manipulazzjoni, abbuż perikoluż ħafna minħabba l-istat mentali mhux tajjeb li kien fih. Minflok l-imħabba, Manson fil-verità kien bniedem vjolenti u abbużiv li poġġa taħt seher lis-segwaċi tiegħu biex jobduh f’dak kollu li riedhom jagħmlu, inkluż qtil ta’ persuni innoċenti. Huwa skonta s-sentenza ta’ għomor il-ħabs f’dak statali “Corcoran” ta’ Kalifornja.
Tajjeb li wieħed jgħid li fid-diversi intervisti li Manson kellu fil-ħabs, huwa baqa’ jinsisti li ma qatel lil ħadd u li m’għamel xejn ħażin. Fl-istess ħin huwa wissa kemm-il darba li l-kult tiegħu huwa ppreparat biex kif ilissen kelma, joqtlu xebgħa nies.
Manson barra li kien bniedem meqjus bħala “maqtugħ mir-realtà” kien jemmen li huwa r-ri inkarnazzjoni ta’ Ġesù u x-xitan f’daqqa. Huwa kien dejjem jippriedka li s-soċjetà hija korrotta u ħażina u li huwa kien is-salvatur. Dan il-kriminal manipulattiv kien jikkonvinċi lin-nies tiegħu b’tattika impekkabli u kien jiġbidhom aktar lejh bid-drogi (LSD) u s-sess liberu aċċessibli galor f’din il-komunità.
Skont il-Prosekuzzjoni, fis-sajf tal-1969 huwa talab lis-segwaċi tiegħu biex joqtlu diversi persuni bħala parti minn pjan biex jinċitaw gwerra razzjali.
Il-“Manson Family”
- Familja li tħobb iċ-ċirku tagħha iżda mimlija b’għodju kbir għall-proxxmu
- Charles Manson beda jiġbor il-membri għall-kult tiegħu, il-“Manson Family”, fl-1967;
- Din il-“familja” kienet magħmula minn grupp ta’ madwar 100 persuna, l-aktar żgħażagħ, bil-maġġorparti tagħhom tfajliet minn familji mkissra;
- Il-“Manson Family” kienu attivi bejn l-aħħar tas-snin 60 u kmieni fis-snin 70;
- Huma kienu jgħixu bħala komunità bil-kultura tal-hippies fejn kulħadd jaċċetta u jħobb lil kulħadd;
- Ftit wara li nħeles mill-ħabs fl-1967, Manson, li l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu qattagħha f’istituzzjonijiet jew ħabs, beda jattira u jiġbor segwaċi mill-inħawi ta’ San Francisco;
- Huwa mexxa l-“familja” tiegħu fi stalel f’Kalifornja. L-istess stalel kienu nqerdu f’Settembru tal-1970 min-nirien li ħakmu n-Nofsinhar ta’ dan l-istat;
- Barra l-qtil makabri li kienu għamlu fl-1969, il-familja ta’ Manson kienu għamlu atti kriminali oħra fosthom attakki fuq il-persuni u serq;
- Fost l-aktar membri u persuni assoċjati magħrufa f’dan il-grupp insibu lil Charles Manson (2017), Tex Watson (traffikant tad-droga), Bobby Beausoleil, Squeaky Fromme, Susan Atkins (2009), Patricia Krenwinkel, Leslie Van Houten, Clem Grogan, Catherine Share, Linda Kasabian, Dennis Wilson (1983), Terry Melcher (2004), Phil Kaufman, Bruce M. Davis, Sandra Good, Gregg Jakobson, George Sphan (1974), Paul Watkings (1990), Ruth Ann Moorehouse, Nancy Pitman, Kathryn Lutesinger, Ella Jo Bailey u Catherine Gilles.