Tuesday, April 23, 2024

“Tkun kemm tkun sabiħa minn barra, persuna li jkollha qalbha tajba tispikka”

Natalia Galea, rebbieħa Miss World Malta 2022

Aqra wkoll

Natalia Galea hi r-rebbieħa ta’ Miss World Malta 2022 meta fil-Forti Sant’Iermu fil-Belt Valletta ttellgħet din l-attività ferm mistennija ta’ kull sena.

Natalia ġiet inkurunata mir-rebbieħa tas-sena l-oħra Naomi Dingli u kienet qed tirrappreżenta l-lokalità ta’ Santa Venera. Hi għadha kemm gradwat bħala avukat għalkemm f’dawn l-aħħar xhur iddedikat kompletament ħajjitha għall-immudellar fejn ħadmet qatigħ sabiex waslet għal dak li xtaqet. 

Apparti li hi mudella freelancer, hi wkoll attriċi fejn mhux darba jew tnejn li ħadet sehem fi produzzjonijiet lokali. Dan filwaqt li għadha kemm tiggradwa mill-kors tal-liġi.

Dan is-sit tkellem ma’ Natalia Galea ftit minuti wara li tħabbret ir-rebħa tagħha f’dan il-kuntest organizzat minn Claudia Calleja u Sue Rossi.

“Se nagħmel dak kollu possibbli sabiex immur tajjeb fil-kompetizzjoni ta’ Miss World. Inwiegħed li se nirrappreżenta lil pajjiżi bl-aħjar mod u se nuża l-kapaċitajiet tiegħi sabiex min jaf forsi nirbaħ din il-kompetizzjoni. Sabiħ li nżommu l-kuruna fl-Ewropa.”

Hekk stqarret Galea fil-profil soċjali tagħha fuq Instagram fejn tenniet li l-vjaġġ tagħha ma waqafx hawn iżda se jkompli filwaqt li avventuri ġodda qed jistennewha.

Iżda kif ħassitha Natalia eżatt malli tħabbar ir-riżultat?

“Nammetti li kont emozzjonata ħafna. Nixtieq nirringrazzja lil dawk kollha li emmnu fija b’mod partikolari l-familjari u l-ħbieb li tant ħadu paċenzja bija u li tawni kuraġġ ta’ sur.”

Kif qalet hi, din il-kompetizzjoni kienet waħda bejn il-ħbieb minkejja li ried ikun hemm rebbieħa. Hawnhekk irringrazzjat lill-kontestanti kollha li minkejja li għal mument kienu rivali, huma kollha ferħulha u tawha kuraġġ kbir eżatt kif tħabbar ir-riżultat. Fissret kemm kien hemm għaqda sħiħa bejn dawk kollha li pparteċipaw filwaqt li tul dawn il-ġimgħat ħadu sehem f’diversi attivitajiet verament sbieħ. Kif qalet hi stess kull min rifes fuq il-palk li ntrama fil-Forti Sant’Iermu diġa’ hu rebbieħ għax mhux xi ħaġa li tiġri ta’ kuljum.

Natalia Galea bdiet il-karriera tagħha fl-immudellar ftit tas-snin ilu u ħadet sehem għall-ewwel darba fl-2015 f’konkors tas-sbuħija. Hi rebħet il-konkors Miss Supranational Malta fis-sena 2018 u kompliet tevolvi dejjem aktar f’dan ix-xenarju ferm għal qalbha. 

Qabel ma bdiet il-karriera tagħha fil-moda, Natalia kif għedna kienet tirreċta, xi ħaġa li għadha tagħmel sal-lum il-ġurnata mhux biss fi produzzjonijiet lokali iżda kompliet timraħ fuq skala internazzjonali. Hi bdiet tidher ukoll fil-programm Sibtek li jixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali għal żewġ sensiliet konsekuttivi.

L-għan ta’ Natalia hu li tkompli tirsisti dejjem aktar sabiex l-objettivi personali tagħha jsiru realta’.

“Għandi ħafna ħolm partikolari li nixtiequ li jsir realta’ fosthom li nkompli nikber fil-karriera tiegħi fl-immudellar u nimraħ aktar f’Malta u lil hinn minnha.

Iżda kemm hu importanti li mudella mhux biss tkun sabiħa minn barra iżda wkoll minn ġewwa?

“Hi importanti ħafna li mudella turi s-sbuħija kollha tagħha mhux biss f’dak li jidher iżda wkoll f’dak interjuri. Meta ġejna mistoqsija dwar xi opinjonijiet xi ftit jew wisq partikolari, ridna nirrispondu kif inħossuha u hemm aħna niġu ttestjati dwar kif naħsbuha.”

Natalia tgħid li hu importanti ħafna li mudella jkollha ż-żewġ lati tas-sbuħija għax b’hekk tkun verament bniedma kompluta. Tkun kemm tkun sabiħa minn barra, xorta jibqa’ l-fatt li persuna li jkollha qalbha tajba tispikka għall-ġest sabiħ li tkun għamlet. 

Il-mudella rebbieħa tkellmet dwar il-libsa li libset waqt din is-serata.

“Il-libsa hi magħmula b’mod partikolari u tirrappreżenta r-ruħ Maltija. Il-parti ta’ fuq għandha l-kulur ikħal li jirrappreżenta l-għasfur nazzjonali ta’ Malta u li narah bħala simbolu ta’ suċċess u liberta’.”
“Id-dublett għandu stil partikolari li jissimbolizza l-fjura nazzjonali u li juri bidu ġdid u tama għall-ġejjieni. Dan kollu juri ċertu dettall li ridt li jkun preżenti fl-ilbies li nilbes.”

Iżda kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol u l-immudellar?

“Biex ngħidlek il-verita’ għadni kemm gradwajt bħala avukat ftit tax-xhur ilu iżda minħabba din l-edizzjoni ta’ Miss World Malta 2022, intfajt b’ruħi u ġismi għal dan l-avveniment sabiex inkun preparata sew. Kont qed naħdem prattikament bħala full-time fil-moda u ninsab kuntenta bir-riżultati li ksibt.”

Natalia Galea tgħid li l-futur tagħha se jkun wieħed sabiħ jekk tkompli tirsisti kif fil-fatt qed tagħmel. Issa qed tħares ‘il quddiem lejn Miss World 2022 u beħsiebha taħdem qatigħ sabiex tieħu dak li verament tixtieq.

Galea xtaqet tirringrazzja lill-organizzaturi Sue Rossi u Claudia Calleja li taw kuraġġ mhux biss lilha iżda lill-kontestanti kollha. L-għajnuna iżda fuq kollox l-organizzazzjoni tagħhom iddeskrivithom bħala impekkabbli.

Fl-aħħarnett, Natalia Galea xtaqet twassal messaġġ lil dawk il-bniet jew tfajliet li jixtiequ jaqbdu karriera fl-immudellar.

“Dejjem imxu wara l-ħolm tagħkom. Hu sabiħ li toħlom għax b’hekk jiġu l-opportunitajiet u eventwalment kollox isir realtá. Il-paċenzja hi importanti għax xejn ma jiġi mingħajr tbatija.”

“Fl-aħħar mill-aħħar ir-riżultati wara dak is-sagrifiċċju kollu jibdew jidhru.”

Sport