Saturday, December 21, 2024

Possibbiltà ta’ diskussjonijiet bejn ir-Russja u l-Istati Uniti dwar l-Ukrajna

Aqra wkoll

Uffiċjali tal-Istati Uniti tal-Amerika qalu li f’Jannar li ġej jista’ jkun hemm diskussjonijiet ma’ Moska dwar it-tħassib taż-żieda fin-numru tat-truppi Russi qrib l-Ukrajna. L-Istati Uniti qalet dan wara li l-President Russu Vladimir Putin qal li hu għandu tama li jkun hemm laqgħa għolja ġewwa Ġinevra.

Min-naħa tiegħu Putin talab garanziji immedjati min-naħa tan-Nato biex titnaqqas it-tensjoni f’din il-parti tal-Ewropa. Putin qiegħed jitlob li n-Nato tabbanduna kull attività militari fil-Lvant tal-Ewropa u li l-Ukrajna ma titħalliex issir membru f’din l-istituzzjoni.

Uffiċjali tal-Ukrajna qalu li r-Russja bagħtet iktar minn 100,000 suldat qrib il-furntiera tagħhom, u fid-dawl ta’ dan l-Istati Uniti heddet lil Moska b’sanzjonijiet “li qatt ma kien hemm bħalhom” jekk l-Ukrajna tispiċċa taħt attakk.

Il-White House ma tat l-ebda kummenti dwar it-talbiet li qiegħed iressaq Putin dwar in-Nato u bosta huma tal-fehma li dawn it-talbiet diffiċli li jintlaħqu. Kelliemi għall-White House qal li fil-preżent ma hemm l-ebda ftehim finali dwar id-diskussjonijiet diplomatiċi, iżda l-Istati Uniti qiegħda taħdem u tħares ’il quddiem biex dawn iseħħu.

Ekonomija

Sport