Monday, April 22, 2024

“Pożittivi u ppreparati biex indaħħlu lit-tfal l-iskola”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Edukaturi fl-ewwel jum tagħhom jaraw kif il-prijorità għal din is-sena hija s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal u dawk kollha involuti

Miktub minn Carmen Cachia

L-ewwel jum ta’ din il-ġimgħa mmarka l-bidu ta’ sena ħidma għall-edukaturi f’Malta li daħlu ġimgħa qabel il-bibien tal-istituzzjonijiet edukattivi jiftħu għall-istudenti tagħna. Din is-sena skolastika l-ġdida hija waħda li żgur se tibqa’ mfakkra għax kollox inqaleb ta’ taħt fuq minħabba l-pandemija globali tal-Covid-19. Il-Gvern ilu x-xhur jistudja u jipprepara biex l-istudenti jirritornaw fl-iskejjel b’mod sigur u jingħataw l-aħjar edukazzjoni possibbli, jiġifieri dik fil-klassijiet. 

Il-ħruġ tal-protokolli mill-awtoritajiet tas-saħħa fil-bidu ta’ dan ix-xahar wasslu għal preparamenti kbar għas-sigurtà u s-saħħa kemm tal-istudenti, kif ukoll tal-edukaturi. Wara perjodu ta’ inċertezzi, issa l-iskejjel huma ppreparati biex jilqgħu lill-istudenti bl-aħjar mod possibbli fiċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom.

Dan is-sit tkellem ma’ tliet edukaturi minn partijiet differenti ta’ pajjiżna biex jara kif marru fl-ewwel ġurnata tagħhom u jekk iħossux li huma ppreparati u kunfidenti biżżejjed biex jaħdmu fiżikament mat-tfal. LSE fi skola ċentrali f’Malta qalet li huwa ftit diffiċli biex tgħid jekk hiex sodisfatta kompletament bil-preparamenti iżda saħqet li l-maniġment tal-iskola, din is-sena b’mod partikolari, se jiffoka u jipprijoritizza b’mod assolut is-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk kollha li jkunu fil-binja edukattiva tagħhom.

Din l-edukatriċi qalet li kif daħlu għall-ewwel laqgħa, il-kap tal-iskola spjegatilhom fid-dettal il-miżuri li se jittieħdu fl-iskola u li bħala staff se jingħataw kollha l-maskri protettivi. Barra minnhekk, infurmathom li fil-bieb tal-iskola se jkun hemm membru tas-sigurtà li ta’ kull filgħodu se jieħu t-temperatura lil kull min ikun jidħol fl-iskola. 

Informazzjoni oħra li ngħataw kienet dwar it-trasport fejn fost l-oħrajn, edukaturi li jixtiequ jużaw it-trasport bil-vannijiet tal-iskola, jistgħu jagħmlu dan sakemm l-ammont ta’ passiġġieri ma jkunx ta’ aktar minn seba’ persuni.

L-edukaturi kienu mqassma fuq imwejjed mifruxa b’distanza ta’ żewġ metri ‘l bogħod minn xulxin u kellhom sanitizer. Hija qaltilna li fil-laqgħa ngħataw struzzjonijiet ċari li ma jistgħux imorru minn klassi għall-oħra u li hemm kamra ta’ iżolament f’każ li xi ħadd iħossu ma jiflaħx. 

“B’dawn il-miżuri kollha nħoss li l-affarijiet qegħdin jittieħdu bis-serjetà ħafna u anke l-fatt li sar l-assessjar ta’ riskju, jien inħoss li qegħdin fit-triq it-tajba,” spjegat din l-LSE.

Għalliema fin-Nofsinhar ta’ Malta qalet li hemm preparament iżda mhux kollox ward u żgħar fejn fil-każ tagħha kien hemm ftit inċertezzi minħabba li sar żball fit-timetables. Hija qalet li diffikultà oħra li tkellmet mal-SMT kienet dik tal-bubbles fejn għalliema ta’ ċerti suġġetti intalbu li f’każ li jkun hemm bżonn, jieħdu post għalliema oħra li għal xi raġuni ma jidħlux għax-xogħol. 

Hawnhekk din l-edukatriċi saħqet fuq il-bżonn li jkun hemm attenzjoni mill-awtoritajiet li s-sistema tal-bubbles ma tintilifx minħabba sostituzzjonijiet bejn l-edukaturi stess għax inkella l-perikli ta’ tixrid ta’ mard jibqa’ hemm.  

Edukatriċi li taħdem mat-tfal żgħar nett, jiġifieri dawk fil-Kinder, min-naħa tagħha kkonfermat li skola fit-Tramuntana ta’ Malta hija ppreparata sew għad-dħul tal-istudenti. Tant huwa hekk, li hija tħoss li ladarba mil-lum bdew it-tfal tal-Klabb 3-16, għaliha kien ikun aħjar li kieku bdiet bit-tfal tal-klassi tagħha mill-ewwel. Dan anke għall-fatt li hija tippreferi tibda mal-istudenti li se jkollha milli ma’ bubble oħra ta’ tfal.

Il-KGE kompliet tikkonferma li fl-ewwel jum ta’ xogħol tagħhom kollox kien f’postu u dan jinkludi stickers, sanitizers, membru tas-sigurtà fil-bieb, kif ukoll meeting online informattiv. Hija qalet li fl-opinjoni tagħha skejjel oħra qegħdin jesaġeraw fil-kummenti negattivi tagħhom fosthom li ma jistgħux jużaw ċerti riżorsi u żebgħa. 

Din l-għalliema hija konvinta li l-iskola li taħdem fiha, hija ppreparata biex tilqa’ lit-tfal u qalet li hija personalment, qiegħda tħares lejn is-sitwazzjoni b’mod pożittiv. Dan bil-għan li l-istudenti, minkejja l-isfidi li qegħdin niffaċċjaw bil-Covid-19, anke din is-sena jkollhom esperjenza edukattiva pożittiva u biex dan jintlaħaq hemm bżonn li kulħadd jiġbed ħabel wieħed.

Sport