Is-Servizz Pubbliku huwa kruċjali fil-ħajja taċ-ċittadin. Huwa hekk għaliex proprju huwa l-korp li jwassal liċ-ċittadin dak kollu li jilleġiżla l-Parlament primarjament f’oqsma essenzjali fosthom il-qasam soċjali, tas-saħħa, l-edukazzjoni u servizzi oħra li jiġi bżonnhom iċ-ċittadin.
Kien hemm żminijiet meta s-servizz pubbliku, forsi b’mod inġust, kien ikun ikkritikat u xi minn daqqiet akkużat ukoll b’nuqqas ta’ effiċjenza. Kellu wkoll il-fama li impjieg mal-gvern huwa mpjieg garantit.
Matul dawn l-aħħar snin iżda, u anki minħabba l-avvanzi fit-teknoloġija, is-Servizz Pubbliku għadda minn riformi kbar li kważi biddlu għalkollox is-sura li kellu, bi ħsieb ewlieni li tiżdied l-effiċjenza biex iċ-ċittadin ikun moqdi dejjem aħjar.
Isir kemm isir titjib u jsiru kemm isiru riformi, tibqa’ dejjem l-ambizzjoni li tintlaħaq il-quċċata tas-servizz li l-poplu bi dritt jistenna. U għalhekk ir-riformi ma jiqfux.
Imma wkoll is-servizz pubbliku jrid ikun tali li jgħin u japprezza lil kull min jaħdem fih, għax aktar ma jkun kuntent il-ħaddiem aqwa jkun is-servizz li hu jagħti.
Lejn dan il-għan biex is-Servizz Pubbliku jkompli jsaħħaħ l-operat tiegħu se jintroduċi prattiċi moderni tax-xogħol li jassiguraw is-sostenibilità, l-effiċjenza u l-flessibilità. Dan kollu mhux se jsir fl-arja imma se jitwettaq wara konsultazzjoni wiesa’ ma’ uffiċajli fit-tmexxija u ma unions li jirrappreżentaw lill-impjegati taċ-ċivil.
Il-kap tas-Servizz Pubbliku, Tony Sultana ħabbar li l-prattiċi ġodda jinkludu tnaqqis ta’ sigħat ta’ xogħol, ħin flessibbli u anki xogħol mid-dar. Kollox se jsir b’mod strutturat.
Nifhmu li din ir-riforma se żżid l-effiċjenza fis-Servizz Pubbliku filwaqt li tkattar il-miżuri ‘family friendly’ għall-impjegati.
Nifhmu wkoll li dawn il-miżuri li daħlu fis-seħħ mill-bieraħ laħqu l-aspettativi tar-rappreżentanti tal-ħaddiema tant li l-GWU esprimiet sodisfazzjon għall-introduzzjoni ta’ dawn il-prattiċi ġodda ta’ xogħol li se jwasslu biex jintlaħaq bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol f’pajjiżna.
Għandna għax nifhmu wkoll li dawn il-miżuri se jgħinu biex tikber il-fiduċja u tonqos iktar il-burokrazija li s-settur pubbliku kien imkeffen fiha għal snin twal.
F’dan il-kuntest nemmnu wkoll li wħud minn dawn il-prattiċi ġodda ta’ xogħol jistgħu jiddaħħlu wkoll fis-settur privat fejn għadhom ma jeżistux. Dan anki fis-sens li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku kienu dejjem mudell għas-settur privat.