Sunday, December 22, 2024

Premier Ingliż: Arsenal b’logħba delikata għand Wolves?

Aqra wkoll

Fil-Premier League Ingliż, il-leaders Arsenal ikunu nvoluti f’partita delikata għand Wolves hekk kif ġejjin minn l-eliminazzjoni tal-League Cup wara li f’darhom ġew megħluba minn Brighton bl-iskor ta’ 3-1. Għaldaqstant il-moral tal-Gunners huwa kemmxejn baxx u jridu jagħrfu kif jirriorganizzaw minħabba li jekk jiżolqu, Manchester City jistgħu japprofittaw meta jospitaw lil Brentford.

Wolves v Arsenal 

Arsenal għaddejjin minn mument tajjeb u jittamaw li jibqgħu jżommu l-quċċata u eventwalment iż-żewġ punti vantaġġ fuq Manchester City meta jilagħbu barra minn darhom kontra Wolves. Dawn tal-aħħar qed jiddiżappuntaw ħafna hekk kif ġabru biss 10 punti minn 14-il logħba u qed jaqsmu l-aħħar post tal-klassifika flimkien ma’ Nottingham Forest.  Huma jafu li l-logħba kontra l-Gunners hi waħda ferm diffiċli għalkemm se jippruvaw jieħdu vantaġġ mill-fatt li qed jilagħbu f’darhom.  

Arsenal qed ikollhom diversi plejers li qed jiskorjaw il-gowls b’Gabriel Jesus u Gabriel Martinelli li qed jispikkaw fuq kulħadd. Huma se jkollhom iħallu barra lil Takehiro Tomiyasu u Emile Smith-Rowe. 

Min-naħa tagħhom, Wolves għandhom lil Diego Costa sospiż b’Matheus Nunes, Toti Gomes, Pedro Neto u Raul Jimenez li jinsabu mweġġgħin. 

Manchester City v Brentford City

Manchester City iridu jkomplu jżommu l-pass mal-liders Arsenal hekk kif jilqgħu f’darhom lil Brentford City, It-tim immexxi minn Pep Guardiola għaddej minn mument tajjeb iżda jrid jikkanċella ż-żewġ punti żvantaġġ li għandhom fuq il-Gunners. Huwa għalhekk li rebħa kontra Brentford hi obbligatorja. 

Brentford jinsabu f’nofs il-klassifika fejn s’issa kisbu l-punti meħtieġa kontra avversarji tal-istess livell tagħhom. Plejer bħal Ivan Tony qed jirriżulta importanti għalihom hekk kif skorja tmien gowls matul dan l-istaġun. Minkejja kollox, dawn tal-aħħar għandhom numru ta’ plejers barra fosthom Vitaly Janelt, Shandon Baptiste, Kristoffer Ajer, Aaron Hickey, Thomas Strakosha u Pontus Jansson.  

Is-Citizens ma jistgħux jinkludu lil Kyle Walker u Kalvin Phillips. 

Newcastle United v Chelsea 

Chelsea iridu rebħa akkost ta’ kollox sabiex jerġgħu jkunu fost l-aqwa erba’ timijiet tal-klassifika. Huma se jilagħbu f’St James Park kontra r-rivelazzjoni Newcastle United. Fil-fatt dan it-tim min-naħa ta’ fuq tal-Ingilterra jinsab fit-tielet post tal-klassifika meta kiseb 27 punt minn 14-il partita. Huma qed jitolbu lill-partitarji tagħhom għal aktar sapport sabiex jirbħu dan il-konfront delikat u eventwalment jibqgħu joħolmu li jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej.  

Chelsea jinsabu fis-seba’ post tal-klassifika b’21 punt minn 13-il logħba. Ħafna stennew aktar minn dan it-tim iżda fil-proċess intilfu ħafna punti. Huma għandhom lil Carney Chukwuemeka, Benjamin Chilwell, Kepa Arrizabalaga, Reece James, Wesley Fofana u Ngolo Kante li kollha huma neqsin minħabba injury.  

Newcastle għandhom lil Callum Wilson bid-deni filwaqt li Alexander Isak u Matt Ritchie jinsabu mweġġgħin.  

Ekonomija

Sport