Fil-Premier League Ingliż, il-leaders Arsenal żammew il-ħames punti vantaġġ fuq Manchester City meta marru fi Craven Cottage u għelbu lil Fulham bl-iskor ta’ 3-0.
Fulham v Arsenal – Arsenal jinsabu f’forma brillanti u dik li kienet qed titqies bħala partita diffiċli, huma litteralment ġabu lil Fulham fix-xejn biex kisbu tliet punti mill-aktar importanti.
Il-Gunners serrħu rashom mir-rebħa fl-ewwel taqsima meta skorjaw it-tliet goals qabel il-mistrieħ minn Gabriel Magalhaes (21), Gabriel Martinelli (26) u Martin Odegaard (45).
Man Utd v Southampton – Manchester United ħadu skoss qawwi fit-tentattiv li jkomplu jisfidaw għar-rebħ tat-titlu meta f’darhom sfaw miżmuma minn Southampton bl-iskor ta’ mingħajr.
Issa huma jinsabu distakkati b’16-il punt mil-leaders peró jridu jirkupraw partita.
Il-mument kruċjali ta’ din il-partita wasal fl-34 minuta meta r-Red Devils spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Casemiro għal foul ikrah fuq l-avversarju, Carlos Alcaraz, hekk kif daħallu bil-qiegħ taż-żarbun fuq il-qażba ta’ siequ.
Għall-bidu, ir-referee Anthony Taylor urieh il-karta s-safra iżda bl-intervent tal-VAR, il-midfielder Brażiljan intwera l-karta l-ħamra … għat-tieni darba f’dan l-istaġun.
Fit-tieni taqsima, il-United ipprovaw joħolqu xi forma ta’ pressjoni fejn anke appellaw għal penalty meta Marcus Rashford deher jaqa’ fil-kaxxa iżda r-replay wera li tfixkel f’siequ stess.
Iż-żewġ timijet laqtu lasta – James Ward-Prowse u Kyle Walker-Peters għas-Saints filwaqt li ttentattiv ta’ Bruno Fernandes ġie salva minn Gavin Bazunu megħjun mil-lasta.